Il-kwistjoni tat-taxxa kompliet għaddejja ilbieraħ filgħaxija bil-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech jitfa' l-ballun f'saqajn il-PM Robert Abela u jisfidah jippubblika d-dokumenti tar-returns tat-taxxa u tal-VAT tiegħu. Dan wara li l-PM Abela ammetta li hu tkellem mal-Kummissarju tat-Taxxi Interni Marvin Gaerty dwar il-kwistjoni ta' taxxa mhux imħallsa għal snin sħaħ minn Grech.
Kienet il-gazzetta ILLUM li fil-fatt żvelat kif Grech kellu eluf pendenti li kien ħallas sa qabel tefa' n-nomina tiegħu għal Kap tal-PN.
Abela qal lil The Times li kien qed jaqdi id-dmir tiegħu meta rrapporta dawn il-pendenzi lil Gaerty.
Bernard Grech qal f'messaġġ fuq Facebook li dan huwa abbuż ta' poter u sostna li l-PM għandu jippubblika r-returns tat-taxxa tiegħu wkoll u "jiddikjara wkoll jekk qattx iddiskuta materji tat-taxxa u tal-VAT tiegħu mal-Kummissarju għat-Taxxi Interni biex b’hekk jassigura lill-poplu Malti u Għawdxi li hu ddikjara kollox u ħallas dak kollu dovut minnu."
Ilbieraħ il-Pulizija ċaħdet illi qed tistenna l-approvazzjoni tal-Prim Ministru dwar investigazzjoni fil-mowbajl ta' Gaerty, kif kien irrappurtat fuq The Sunday Times u qalet illi l-investigazzjoni fuq il-Kap tad-Dipartiment kienet ilha għaddejja, "mingħajr tfixkil."