'Ma stajtx ninfluwenza l-investigazzjoni ta' Bernard Grech għax kienet diġa' magħluqa'

Il-PM Robert Abela jgħid li Bernard Grech qed jitolbu jippubblika dokumenti li diġa' huma aċċessibbli fil-Parlament, minn Bernard Grech innifsu

Il-PM Robert Abela
Il-PM Robert Abela

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna illi - kuntrarjament għall-akkużi miġjubin kontrih fl-aħħar jiem  - hu qatt ma prova influwenza l-investigazzjoni dwar Bernard Grech meta għamel kuntatt mal-Kummissarju tat-Taxxi Interni Marvin Gaerty.  F'kummenti mal-Maltatoday il-PM saħaq illi anke kieku stess ried jinfluwenza, ma setax għax qal li meta kellem lil Gaerty l-investigazzjoni kienet intemmet u kienu instabu irregolaritajiet fil-ħlas tat-taxxi tal-Kap tal-PN. 

Kienet il-gazzetta ILLUM li żvelat tali nuqqas hekk kif Bernard Grech kellu kont pendenti ta' €62,000 xi jħallas f'taxxa u VAT.  Mal-ILLUM Grech kien sostna li hu kien ħallas kollox u kien għadda għall-pubblikazzjoni ċertifikat mid-Dipartiment li juri dan.

Dwar l-isfida ta' Grech, tard ilbieraħ, biex jippubblika r-returns tat-taxxa, il-Prim Ministru fakkar illi bħala Deputat dawn id-dokumenti jinsabu fil-Parlament u huma aċċessibbli kemm għal Grech innifsu u anke għall-midja. 

"Jiġifieri qed jitlobni nippubblika xi ħaġa li diġa' hija pubblika," temm jgħid Abela.

More in Politika