Il-General Workers Union qed jipproponu biex il-ħaddiema tal-banek jingħataw prijorità għat-tilqima kontra l-Covid-19.
Fi stqarrija ntqal kif is-Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi fi ħdan il-GWU, avviċinat lill-Assoċjazzjoni tal-Bankiera dwar il-membri tagħha illi jaħdmu fil-banek madwar Malta u Għawdex dwar il-possibilità illi jitlaqqmu qabel kontra l-Covid-19.
"Dawn il-ħaddiema jiltaqgħu man-nies kontinwament. Ix-xogħol tagħhom ipoġġihom f’periklu kemm għalihom u anke għall-familjari tagħhom illi jistgħu anke jkunu vulnerabbli. Minħabba f’hekk il-GWU ressqet proposta li għandhom jitqiesu bħala frontliners ukoll u għandhom jingħataw prijorità għall-vaċċin kontra l-Covid-19," saħqet l-istqarrija.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tal-Bankiera qabel mal-proposta tal-GWU u qal illi jeħtieġ li jressaq din it-talba mal-Bord sabiex tkun tista’ formalment tinġieb l-approvazzjoni tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.
"Il-GWU tifhem perfettament li kulħadd jixtieq li jkun minn tal-ewwel biex jitlaqqam kontra l-Covid-19 però bħala Union tal-Ħaddiema huwa d-dmir tagħna illi naraw x’inhu l-aħjar għall-membri tagħna bħalma dejjem għamilna sa mill-bidu," temmet tgħid l-istqarrija.