'Bla żejt f'wiċċkhom ... kburi li m'għadnix parti minnkom' - Charles Azzopardi

L-eks Sindku Rabti jiftaħ il-kanuni u jitlob lill-PM ma jikkuntattjahx u ma jibgħatlux nies id-dar

L-eks Sindku Laburista Charles Azzopardi kiser is-silenzju li żamm u wara li lbieraħ ma kienx elett fl-elezzjoni każwali qal li b'dak li ġara llum bir-riżenja ta' Gulia  hu jħossu kburi li ma għadux parti mill-Partit Laburista, minkejja li jgħid li kien hu li ta l-ewwel maġġoranza lill-Partit Laburista fir-Rabat. Huwa qal dan f'messaġġ twil fuq il-paġna tiegħu ta' Facebook,

Huwa sostna illi kienet ċara li ma kienx se jiġi elett hu u allega li sar block vote kontrih għax skont hu, "jiena biss iż-żibel tal-Partit Laburista."

B'ton irrabjat Azzopardi jkompli jikkritika bil-qawwi dak li ġara iktar kmieni llum.  "L-aqwa li ma jitlax Charlie u l-Prim Ministru jagħżel lil min irid hu. Inkredibbli. Kont qed nistenna li ddum xahar ma tiġri (ir-riżenja ta' Gulia), imma mhux f'anqas minn 24 siegħa! Fejn hu żejtkhom f'wiċċkom?" staqsa Azzopardi fil-messaġġ twil li kiteb.  

 "Tkomplux iċċempluli. Prim Ministru tikkuntatjanix aktar u tibagħtlix messaġġi u nies d-dar. Ħalluni Kwiet. Charlie Azzopardi ta' Polly mhux l-imbeċilli li ħsibtux intom. Itgħallmu ħennu. Tidħqux bin-nies tagħkom. Kburi li le, m'għadnix wieħed minnkom," temm jgħid l-eks Sindku. 

Il-ġimgħa l-oħra David Agius żvela illi Charles Azzopardi kien sar tesserat mal-Partit Nazzjonalista u saħansitra kien ivvota fl-elezzjoni għal Kap ġdid. 

More in Politika