Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri, spjega kif fl-aħħar tliet xhur tal-2020, ingħataw 6,000 multa lil dawk li nqabdu jiksru r-regolamenti marbuta mal-Covid-19.
Camilleri kien mistoqsi dwar dak li qalet l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija, jiġifieri li ma tistax tifhem kif qed jibqa’ jkun hemm inċidenti viċin jew inkella fi stabbilimenti li suppost huma magħluqa skont l-Avviżi Legali maħruġa biex tkun ikkontrollata l-imxija tal-Covid-19.
Madanakollu, il-Ministru tefa’ l-ballun f’saqajn l-awtoritajiet tas-saħħa u ma weġibx dwar jekk jaħsibx li għandu jkun hemm aktar infurzar jew inkella aktar restrizzjonijiet biex ikunu evitati inċidenti simili.
Qal biss li l-infurzar qed isir mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, mill-uffiċjali tal-LESA u anke mill-Pulizija u fakkar li mhux l-istabbilimenit kollha qed jiftħu b’mod illegali.
Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ilmentat kif minħabba dawn l-inċidenti, l-uffiċjali tal-Pulizija qed ikollhom jiġu f’kuntatt dirett ma’ diversi persuni u mhux teskludi li tieħu azzjoni biex tipproteġi lill-membri tagħha.
Diversi inċidenti seħħew f’Paceville fl-aħħar jiem. Ilbieraħ tfajla ta’18-il sena weġġgħet gravi fi ġlieda li seħħet għall-ħabta tas-2:15am.
Fis-sigħat bikrin tal-Ewwel tas-Sena kienet seħħet ukoll ġlieda bejn xejn inqas minn 50 persuna, bil-Pulizija saħansitra jkollha tuża t-taser guns biex tikkontrolla lil dawk involuti.
Tliet persuni kienu ddaħħlu l-isptar.