Il-kumpanija Moderna qalet li mill-ewwel riżultati li għandha f’idha kollox jindika li l-vaċċin tagħha huwa effettiv ukoll kontra l-varjanti tal-Covid-19 li ġew identifikati kemm fir-Renju Unit u anke l-Afrika ta’ Fuq.
Fi stqarrija, il-kumpanija spjegat kif l-istudji saru fuq individwi li diġà ħadu din it-tilqima.
“Hekk kif qed inkomplu naħdmu biex negħlbu l-virus tal-Covid-19, li kkawża pandemija globali, nemmnu li huwa imperattiv li nkunu proattivi kontra l-virus. Dawn ir-riżultati huma inkoraġġanti u jżidu l-kunfidenza tagħna li l-vaċċin ta’ Moderna huwa effettiv ukoll kontra dawn il-varjanti,” saħaq Stéphane Bancel, Kap Eżekuttiv tal-kumpanija.
Il-varjant tal-Covid-19 identifikat fir-Renju Unit ikkawża splużjoni fil-każi l-ġodda hekk kif jidher li dan jinxtered ħafna aktar malajr, għalkemm mhuwiex aktar perikoluż.
Dan wassal biex diversi pajjiżi, inkluż Malta, kienu kostretti jirrestrinġu t-titjiriet tagħhom minn u lejn ir-Renju Unit.
Malta rreġistrat biss tliet każi ta' dan il-varjant, liema każi ġew ikkontrollati minnufih. Fl-aħħar bulettini mediċi, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, spjegat kif l-awtoritajiet tas-saħħa qed iżommu għajnejhom miftuħa kontinwament biex jassiguraw li dan il-varjant ma jinxteridx f'Malta.
Fil-fatt qed isiru studji ulterjuri kontinwament fuq kampjun mill-każi l-ġodda li Malta tkun irreġistrat.
Il-vaċċin ta’ Moderna kien it-tieni vaċċin li ġie approvat mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċina u li wasal Malta.
Bħall-vaċċin ta’ Pfizer, anke l-vaċċin ta’ Moderna joffri 95% protezzjoni kontra l-Covid-19.
Sa issa, ftit inqas minn 2,000 persuna f’Malta ħadu ż-żewġ dożi tal-vaċċin kontra l-Covid-19.
Aktar tard din il-ġimgħa, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċina mistennija wkoll tapprova l-vaċċin ta’ AstraZeneca.