Madwar 150 persuna ġew arrestati nhar it-Tnejn f'Amsterdam u Rotterdam, fejn il-ħwienet ġew vandalizzati tant li s-sindku, Ahmed Aboutaleb, ħareġ digriet ta’ emerġenza li jagħti setgħat ta’ arrest lill-pulizija. Dan filwaqt li 300 persuna ġew miżmuma taħt arrest nhar is-Sibt u l-Ħadd wara li żgħażagħ tefgħu ġebel u f’każ minnhom skieken lejn l-uffiċjali, attakkaw sptar u ħarqu stazzjon tal-ittestjar tal-COVID. Inħarġu ukoll aktar minn 5,700 multa lil kull min kiser il-curfew.
L-inkwiet infirex saħansitra f’irħula żgħar madwar il-pajjiż bħal Den Bosch, Zwolle, Amersfoort, Alkmaar, Hoorn, Gouda - fejn bosta karozzi nħarqu - u Haarlem, fejn il-pulizija ġew attakkati wkoll bil-ġebel. Il-kmamar tal-aħbarijiet Olandiżi jirraportaw ukoll li għaxar pulizija sfaw midruba fil-belt ta’ Rotterdam. Uffiċjali tal-forzi ċivili qalu li l-irvellijiet ġew organizzati permezz tal-midja soċjali.
L-uffiċjali qalu ukoll li ħafna mid-dimostranti kienu adolexxenti motivati mill-oppożizzjoni għall-curfew tad-9pm.
Dan hu l-ewwel curfew tan-nazzjon mit-Tieni Gwerra Dinjija wara twissija mill-Istitut Nazzjonali għas-Saħħa (RIVM) dwar mewġa ġdida ta’ infezzjonijiet minħabba ‘l-varjant Ingliż’ tal-virus. Dan il-curfew ġie impost minkejja ġimgħat ta’ tnaqqis f’infezzjonijiet ġodda.