Mara f’Malta qed tħallas €378.24 f'taxxa 'roża'
It-taxxa ir-roża hija soġġetta għaliha kważi nofs il-popolazzjoni ta’ Malta, probabilment mingħajr ma huma konxji dwarha. Id f’id mat-taxxa r-roża insibu t-taxxa tat-tampun. Imma din it-taxxa x'inhi? Kif taffettwalek ħajtek bħala mara t-taxxa tat-tampun?
minn Marianna Calleja
It-taxxa r-roża hija ammont ta’ flus żejda, li nisa madwar id-dinja jħallsu għal prodotti essenzjali ta’ kuljum. Dan l-ammont ta’ flus japplika għal oġġetti li jkopru l-ħajja kollha ta’ mara, minn uniformijiet tal-iskola sa ħwejjeġ, oġġetti ta’ iġjene femminili inkluż xfafar u prodotti tal-ħasil tal-ġisem u anke saħansitra prodotti sanitarji. Dawn l-oġġetti jaqgħu taħt l-ogħla rata ta’ taxxa fuq il-bejgħ f'ħafna pajjiżi, inkluż f’Malta fejn ir-rata hi ta’ 18%. Dawn il-prodotti mhux biss mhumiex meqjusa bħala oġġetti essenzjali talli saħansitra jiġu ddikjarati “lussu” f’għajnejn il-liġi.
Fl-Unjoni Ewropea, il-pajjiżi huma ħielsa li jagħżlu huma r-rati standard tat-taxxa fuq il-bejgħ u japplikaw rati tat-taxxi inqas anke fuq prodotti bħal dawn. Xorta waħda, ħafna pajjiżi ma naqsux ir-rati tat-taxxa tagħhom, inkluż Malta. Skont ċifri tal-Eurostat, l-Ungerija għandha l-ogħla rata ta’ taxxa b’rata ta’ 27% filwaqt fis-snin riċenti, tliet pajjiżi tal-Lvant u tal-Ewropa Ċentrali - il-Polonja, iċ-Ċekja u l-Litwanja - naqqsu t-taxxa tat-tampun għal 5%. Il-Ġermanja naqqset ukoll it-taxxi fuq il-prodotti tal-iġjene femminili għal 7% minn 19% u l-Lussemburgu saħansitra niżel għal taxxa ta’ 3%. L-uniku pajjiżi mingħajr taxxa fuq il-prodotti tal-iġjene femminili, fl-Unjoni Ewropea huma l-Irlanda u l-Iskozja.
‘It-taxxa tat-tampun’ huwa terminu popolari li jiġbor fih it-taxxa fuq tampuni, u prodotti oħra ta’ iġjene femminili li għadhom jiġu mniżżla bħala prodotti ta’ lussu anke’ hekk fil-veritȧ dawn huma ta’ neċċesità.
Ir-Renju Unit kien diġà naqqas ir-rata sa 5% fuq prodotti sanitarji imsejħa ukoll "it-taxxa tat-tampun" iżda issa li m’għadhomx parti mill-Unjoni Ewropea bis-saħħa ta’ BREXIT, din it-taxxa tneħħiet kompletament mill-1 ta' Jannar.
F’Malta it-taxxa r-roża teżisti wkoll, u id f’id magħha insibu ukoll it-taxxa tat-tampun li hi dik ta’ 18%.
Imma dan x’ifisser għalik? Meta persuna tixtri pakkett tampuni bil-prezz ta’ €4.49, hi tkun qed tħallas 80 ċenteżmu taxxa. Dan jaf jidher ftit, iżda rridu nżommu f’moħħna li mara tagħmel użu minn dan il-prodott minn tal-inqas 12 il-darba fis-sena. Dan ifisser li mara tonfoq €53.88 fis-sena u minnhom €9.70 huma taxxa. Jekk mara tagħmel użu minn dan il-prodott għal 39 sena (il-perjodu medju li matulu mara jkollha ċ-ċiklu menstrwali) hi tkun nefqet €2,101, €378 minnhom huma taxxa. Prodotti sanitarji inkluż it-tampuni huma meqjusa bħala prodotti farmaċewtiċi. Malta, m’għandhiex taxxa marbuta ma’ prodotti farmaċewtiċi li jiġu preskritti mit-tobba.
‘It-taxxa r-roża hija diskriminatorja’ - Rosianne Cutajar
Lura fl-2018, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar kienet tkellmet fuq it-taxxa r-roża. Cutajar kienet spjegat li din it-taxxa hija diskriminatorja kontra l-ġeneru femminili u għandha tispira diskussjonijiet serji f'numru ta 'pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Hi insistiet li dan it-tip ta’ taxxa diġà tneħħiet minn numru ta’ pajjiżi u stati Amerikani. L-emfasi tagħha kienet fuq prodotti li n-nisa għandhom bżonn għar-rutina ta’ kuljum li xi drabi jinbiegħu anke b’35 % aktar milli verament jiswew.
It-taxxa r-roża hija kkunsidrata diskriminatorja għaliex hija speċifikament diretta lejn prodotti iddisinjati għan-nisa. Iva, vera li ħafna drabi, mara li tixtri prodott iddisinjat ‘għan-nisa’ tista’ probabbilment tixtri l-istess prodott tal-irġiel iżda b’prezz irħas. Il-prodott ikun identiku, iżda b’pakkett differenti. Imma għaliex għandha mara tbati finanzjarjament biex tħallas taxxa fuq prodott li f’għajn il-liġi hu ta’ “lussu” meta fil-verita’ ħadd ma jagħżel li jużahom b’gost u pjaċir.
X’inhi l-istrateġija ‘Pink it and Shrink it’?
Din l-istrateġija ta’ bejgħ tinvolvi li tieħu prodott ta’ kuljum, tipproduċih b’kulur roża u tagħmlu iżgħar biex jagħmlu użu minnu aktar in-nisa. Dan il-metodu huwa implimentat f’bosta prodotti li diġà semmejna bħal xfafar, kaxxex tal-għodda u l-lista tkompli. Għalkemm xi kumpaniji qed jiddevjaw minn din l-istrateġija, din xorta waħda għadha tilgħab logħba importanti fil-kwistjoni tat-taxxa r-roża, tant hu hekk li minnha ħareġ l-isem ta’ din it-taxxa.