Il-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer sejjaħ lill-awtoritajiet biex jagħtu iktar importanza lill-benefiċċji għas-saħħa mentali tal-bniedem billi jissalvagwardjaw l-aċċess għan-natura u l-biodiversita’. “In-nies huma mdejqin b’binjiet tal-konkrit, żvilupp eseġerat u l-produzzjoni tal-massa tal-propjeta’. Iridu iktar spazji ħodor, li jkunu aċċessibli għal kulħadd u li jservu għas-serħan tal-moħħ. Din ir-realta’ hi possibli," sostna l-MEP Malti. Hu kien qed jindirizza konferenza organizzata minn Mental Health Europe u u l-Istitut Ewropew għall-Politika dwar l-Ambjent, bħala Ko-President tal-Alleanza fil-Parlament Ewropew ta’ Mental Health Europe
“Iċ-ċittadini Ewropej qed jitkellmu b’mod b’saħħtu għall-protezzjoni tal-ambjent. Iktar ma jmur, żoni urbani mimlija konkrit, l-emissjonijiet, arja mniġġsa, ibħra u xmajjar maħmuġin u t-tibdil fil-klima qed ikollhom impatt negattiv fuq is-saħħa mentali taċ-ċittadini. L-awtoritajiet għandhom jaħdmu biex jagħtu aċċess lil kulħadd għal żoni ta’ ambjent nadif u naturali biex jassiguraw is-saħħa mentali tan-nies u l-bżonnijiet ta’ soċjeta’ sana,” qal Engerer.
Engerer saħaq fuq l-importanza li dawk li jaħdmu fil-qasam tal-politika ambjentali u tal-ippjanar jgħarfu l-impatt fuq is-saħħa mentali tal-bniedem bid-deċiżjonijiet li jkunu qegħdin jieħdu. Qal li l-aċċess għan-natura jew għal infrastruttura ambjentali jkollha impatt fuq il-benessere tas-soċjeta’. Engerer qal li kulħadd għandu x’jitgħallem mill-pandemija Covid-19 u li għandna nkunu preparati li t-tibdil fil-klima jista’ jġib pandemiji oħra. Għaldaqstant spjega li għandna minn issa nibdew naħdmu fuq il-piż li dan kollu għandu fuq is-saħħa mentali tal-individwu.
“Matul il-pandemija l-ambjent naturali kien ta’ soljev għal ħafna minna. Mixja fil-kampanja jew ħdejn il-baħar kien jirnexxielha tgħin biex iżżomna kalmi u tagħtina il-mistrieħ. Din hi lezzjoni li għandna nitgħalmu minnha. Għalhekk qiegħed insejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Gvernijiet biex jgħarfu r-relazzjoni li teżisti bejn l-ambjent u s-saħħa mentali (apparti fiżika) tan-nies meta jkunu qegħdin jieħdu d-deċiżjonijiet."
L-Ewroparlamentari Engerer, li matul l-2020 kien il-ko-President tal-Kunsill Konsultattiv għall-Ippjanar Intelliġenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar ħeġġeġ lill-Gvern, Kunsilli Lokali, s-Soċjeta’ Ċivili u l-Għaqdiet Non-Governattivi biex ikollhom approċċ olistiku dwar l-aċċess għan-natura, filwaqt li faħħar l-opportunitajiet għall-finanzjament mill-Gvern għal proġetti ambjentali matul is-sena li għaddiet.
"Fil-Parlament Ewropew tkellimna b’saħħa li l-Fondi Ewropej għall-perjodu li ġej, kif ukoll dawk mill-Fond ta’ Rkupru u Reżiljenza, jridu jservu għat-tħaddir tal-ekonomija, t-tħaddir tal-ibliet u l-irħula, u tħaddir tal-postijiet tax-xogħol u l-iskejjel li naħdmu u nistudjaw fihom. Il-fondi Ewropej għandhom iservu biex inħaddru ħajjitna,” qal Engerer.
Engerer ikkonkluda billi wiegħed dan l-approċċ fil-ħidma tiegħu fil-Parlament Ewropew, speċjalment fix-xogħol fil-Kumitat għall-Ambjent u s-Saħħa Pubblika fuq l-istrateġija dwar il-Biodiversita’ 2030, li bħalissa qed tiġi diskussa f’dan il-kumitat.