L-Unjoni Ewropea qalet li l-kumpanija AstraZeneca mistennija tissupplixxi disa' miljun dożi aktar tal-vaċċin kontra l-Covid-19 sal-aħħar ta' Marzu u dan wara kwistjoni bejn iż-żewġ partijiet hekk kif l-UE kienet qed takkuża lill-kumpanija li se tonqos mill-obbligi tagħha.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursola von der Leyen iddeskriviet dan il-ftehim bħala "pass 'il quddiem."
Madanakollu, l-40 miljun doża li se tkun qed tibgħat il-kumpanija sal-aħħar ta' Marzu huma xorta nofs dak maqbul xhur ilu, hekk kif oriġinarjament il-ftehim kien jistipola li l-kumpanija tibgħat 80 miljun doża.
Fl-aħħar jiem kienet għaddejja kwistjoni bejn iż-żewġ partijiet, bil-Kummissjoni Ewropea takkuża lill-AstraZeneca li kienet qed tikser il-kuntratt iffirmat xhur ilu.
L-Unjoni Ewropea saħansitra kienet qed thedded li twaqqaf l-esportazzjoni tal-vaċċin, prodott f'impjanti fl-UE, barra mill-fruntieri tagħha.
Il-vaċċin tal-AstraZeneca kien awtorizzat għall-użu fl-Unjoni Ewropea nhar il-Ġimgħa.
Fl-aħħar jiem qamu ftit mistoqsijiet ukoll dwar kemm il-vaċċin huwa effetttiv fost persuni li għandhom 64 sena jew aktar. Fil-fatt, l-awtoritajiet tas-saħħa Ġermaniżi qalu li se jkunu qed jagħtu l-vaċċin ta' din il-kumpanija lil dawk li huma iżgħar minn 64 sena.