'Il-PN għandu viżjoni għall-isfidi tan-negozji żgħar u medji' - Bernard Grech

Bernard Grech dalgħodu għamel żjara spontanja fost is-sidien tal-ħwienet u l-bejjiegħa tal-monti fil-Mosta

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech dalgħodu għamel żjara spontanja fost is-sidien tal-ħwienet u l-bejjiegħa tal-monti fil-Mosta fejn wiegħed politika viċin in-nies.

“Il-politika ssir b’diversi modi. Hemm dik li ssir waqt l-attivitajiet politiċi jew il-konferenzi tal-aħbarijiet. Iżda jien nemmen li ħafna mill-politika ssir billi tiltaqa’ u tpoġġi u titkellem man-nies. Kif wegħedt mal-elezzjoni tiegħi bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista rrid nara politika fejn il-bniedem jiġi l-ewwel, u dan jista’ jsir biss billi tkun viċin tan-nies," saħaq Bernard Grech.

Matul din iż-żjara tiegħu, Bernard Grech tkellem ma’ bosta sidien tan-negozju fuq l-ideat u l-proposti tal-Partit Nazzjonalista għal dan is-settur partikolarment quddiem l-isfidi li n-negozji żgħar u medji qed jaffaċċjaw kawża tal-pandemija.

Grech għamel referenza għal stħarrig ippubblikat mill-Kamra tal-SMEs u fakkar kif żewġ terzi tan-negozji żgħar u medji huma inkwetati li ma jkampawx fl-2021.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista insista li s-sidien tal-ħwienet u l-bejjiegħa kkummentaw kif il-Gvern qed iżommhom fl-għama u għalhekk ma jistgħux jippjanaw jekk imqar hux se jżommu l-impjegati li għandhom jaħdmu magħhom.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien akkumpanjat mill-President tal-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista fil-Mosta Norvin Spiteri u mill-President tal-Forum SMEs Partit Nazzjonalista (FSMEPN) Julian Galea.

More in Politika