Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri ħabbar li se jkun qed imexxi ’l quddiem inizjattiva li tgħin lis-soċjetajiet li jaħdmu fil-festi b’rabta mal-ħlas għall-iskorta tal-piroteknika u li din l-għajnuna se titħabbar fil-jiem li ġejjin.
B’referenza għall-istqarrija tal-Membru Parlamentari Edwin Vassallo dwar il-ħlas tal-iskorti għad-dilettanti tan-nar, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi jfakkar li diġà saru dikjarazzjonijiet pubbliċi dwar għajnuna li se tingħata.
Iktar kmieni d-Deputat Edwin Vassallo qal illi jeħtieġ li tinstab soluzzjoni għall-problema maħluqa mit-tariffi li impona l-Gvern mal-iskorta tan-nar u l-preżenza oħra tal-pulizija waqt attivitajiet ta' festa.
Il-midja tal-Partit Nazzjonalista irrappurtat kif diversi dilettanti tal-piroteknika bħalissa jinsabu inkwetati minħabba żieda fil-ħlasijiet li se jibdew jintalbu b’rabta ma’ permessi għall-ħruq tal-logħob tan-nar. Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalosta qal li dwar din it-tema saret pressjoni fil-Parlament mid-deputat Edwin Vassallo, "b'Mistoqsija Parlamentari tiegħu li wasslet biex ikun hemm konferma mill-Ministru tal-Intern li verament hemm dawn iż-żidiet."
Il-Ministru Camilleri spjega kif fl-aħħar xhur ittieħdu passi biex tissaħħaħ is-sistema tal-extra duty tal-pulizija. "Fuq quddiem nett biex il-ħaddiem jieħu dak li hu tiegħu, inkluż ħlas doppju fi Ħdud u festi u biex meta pulizija jinqala’ biex jaħdem extra duty dan isir għal minimu ta’ sigħat. Dan b’rispett sħiħ lejn id-dinjità tal-pulizija bħal ħaddiem li ħaqqu kundizzjonijiet xierqa."
Il-Ministru Camilleri żied jgħid li jifhem li din il-bidla setgħet laqtet lis-soċjetajiet li jaħdmu fil-qasam tal-piroteknika u dawk li jkollhom piroteknika fil-festa tagħhom, u għalhekk qed jaħdem fuq inizjattiva biex tgħinhom itaffu l-piż.