F'rapport adottat din il-ġimgħa mill-Kumitat Ewropew tal-Libertajiet Ċivili, Drittijiet tan-Nisa u Ugwaljanza tal-Ġeneru qed ikun propost li servizzi sesswali jiġu kkriminalizzati - kemm mill-aspett tal-użu u anke mill-apsett ta' domanda. Bi 80 vot favur, 10 kontra u 10 astensjonijiet l-MEPS sejħu għal strateġija kontra l-ittraffikar tan-nies, speċjalment l-isfruttar sesswali.
Huma nnutaw kif is-sitwazzjoni ta' traffikar ilha tiggrava sa mill-bidu tal-Covid-19 u s-servizzi ta' appoġġ sabu diffikultà biex jassistuhom.
Konnessjoni bejn proċeduri kontra t-traffikar u dawk tal-ażil
Ifakkru fir-rapport tagħhom illi l-isfruttament għal skopijiet sesswali huma l-aktar forma ta' traffikar prevalenti u rrappurtati fl-Unjoni Ewropea. Għalhekk qed isejħu lill-Kummissjoni Ewropea sabiex din temenda d-direttiva kontra t-traffikar biex l-użu konxju ta' servizzi sesswali mogħti minn persuni ttraffikati jkun ikkriminalizzat.
Intant l-istess rapport qed jappella wkoll biex proċeduri ta' kontra l-ittraffikar u dawk ta' ażil jkunu konnessi flimkien. Ifakkru li dawk li qed ifittxu l-ażil, refuġjati u migranti - b'mod speċjali nisa - huma vulnerabbli għat-traffikar.
Ir-riżoluzzjoni non-leġiżlattiva intant qed tfakkar ukoll illi t-tfal jiffurmaw kwart tal-vittmi kollha u li l-internet, il-midja soċjali u teknoloġiji diġitali qed jintużaw għar-reklutaġġ ta' vittmi ta' traffikar. L-MEPs qed jitolbu biex dawn il-mezzi jkunu indirizzati.
Juan Fernando López Aguilar (S&D), il-Co-rapporteur ta' dan ir-rapport jgħid illi 10 snin wara l-addozzjoni tad-Direttiva kontra t-Traffikar, "aħna qed nappellaw lill-Kummissjoni Ewropea sabiex ittejjeb il-miżuri ta' prevenzjoni u tikkriminalizza servizzi sesswali ... Il-Parlament Ewropew," kompla jgħid Aguilar, "qed jappella biex il-pajjiżi tal-UE jiggarantixxu illi jkunu identifikati vittmi potenzjali fost il-migranti u jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom fi proċeduri ta' ażil."
Il-Parlament Ewropew issa mistenni jivvota fuq din ir-riżoluzzjoni fil-Plenarja li jmiss bejn it-8 u l-11 ta' Frar li ġej.
Ċifri tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-vittmi tat-traffikar*
Vittmi reġistrati (2016) EU-28 : 11,832
Tip ta' sfruttar: 56% minn dawn kienu persuni li ġew sfruttati sesswalment, 25% kienu sfuttati fil-qasam tax-xogħol u 19% kienu persuni sfruttati f'oqsma oħrajn.
Irġiel jew nisa? In-nisa jifformaw parti ħafna akbar ta' vittmi tat-traffikar. Fil-fatt din l-istatitika turi illi 69% tal-vittmi kienu nisa u 31% kienu rġiel.
Tfal jew adulti? Sfortunatament 20% ta' dawn il-persuni vittmi ta' traffikar kienu tfal. 80% kienu adulti
* Dawn iċ-ċifri tal-Kummissjoni Ewropea ħarġu fl-2018 u jitrattaw is-sena 2016.