Jinstabu f'Malta 12-il każ tal-varjant tal-Covid-19 li nxtered fir-Renju Unit
L-ewwel tliet każi kienu nstabu f'Diċembru li għadda
More in Politika
L-ewwel tliet każi kienu nstabu f'Diċembru li għadda
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, qalet li nstabu 12-il każ ġdid tal-varjant tal-Covid-19 li nxtered fir-Renju Unit. Dan ifisser li b'kollox f'Malta nstabu 15-il każ ta' dan il-varjant.
L-ewwel tliet każi kienu nstabu f'Diċembru li għadda.
Il-Professur Gauci qalet dan meta kienet qed twieġeb il-mistoqsijiet tal-qarrejja fuq it-Times of Malta u li matulha spjegat il-proċedura li qed tintuża mill-awtoritajiet tas-saħħa Maltin biex jinvestigaw u jaraw liema mill-każi l-ġodda jistgħu jkunu marbuta mal-varjanti tal-Covid-19.
Sa issa kollox jindika li l-vaċċini disponibbli jaħdmu wkoll fuq dan il-varjant.
Minn din il-ġimgħa, anzjani li għandhom bejn 80 u 84 sena bdew jirċievu l-appuntamenti, hekk kif issa jmiss lilhom biex jibdew jieħdu l-vaċċin.
Fil-ġimgħat li għaddew, il-vaċċin beda jingħata lill-frontliners kollha, fosthom dawk li jaħdmu fl-isptarijiet, lill-anzjani li għandhom 'il fuq minn 85 sena u anke l-anzjani kollha residenti fi djar tal-anzjani u l-istaff li jaħdmu fihom.
Issa bdew jiġu mlaqqma wkoll l-ispiżjara, il-pulizija u s-suldati.
Intant, ilbieraħ, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li l-vaċċin tal-AstraZeneca se jkun qed jingħata lil dawk li għandhom bejn 18 u 55 sena. L-ewwel dożi se jaslu l-ġimgħa d-dieħla.
Din id-deċiżjoni ttieħdet hekk kif il-kumpanija ma għamlitx biżżejjed studji fuq l-anzjani u għalhekk, sakemm isiru dawn l-istudji, diversi pajjiżi għażlu li jagħtu l-vaċċin lil dawk li għandhom inqas minn 55 sena.