Il-UĦM Voice of the Workers ordnat azzjonijiet industrijali fl-isptarijiet Karin Grech, San Luqa u dak Ġenerali t’Għawdex wara li, fi kliemha, il-Gvern ma żammx kelmtu li jassorbi l-ħaddiema ta’ Steward Healthcare sal-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena.
Għalhekk mit-Tnejn li għadda, il-professjonisti li jaħdmu f’dawn l-isptarijiet immexxija minn Steward mhux qed jaraw pazjenti ġodda u mhux qed jagħmlu follow-ups sakemm ma jkunux każijiet urġenti.
“Fl-2019 meta l-UĦM kienet rebħet l-għarfien uffiċjali tal-ħaddiema ta’ Steward kienet minnufih talbet li dawn ikunu assorbiti mal-gvern. Din fid-dawl tal-fatt li ġaladarba kienu qed jaħdmu spalla ma’ spalla ma’ professjonisti bħalhom li huma impjegati mal- Gvern, ma kienx ġust li jibqgħu jitħallsu inqas minnhom,” saħqet l-istqarrija.
Il-UĦM qalet li f’Novembru li għadda, il-Gvern kien ikkommetta ruħu li jilqa’ din it-talba wara li l-UĦM kellha tirrikorri għal azzjonijiet industrijali. Il-gvern kien aċċetta li jassorbi dawn il- ħaddiema u jagħtihom paga u kundizzjonijiet ugwali b’seħħ lura mill-1 ta’ Jannar 2019. Kien intrabat ukoll li l-proċess tat-trasferiment tal-ħaddiema kellu jsir sal-aħħar ta’ Diċembru li għadda.
“Madanakollu, dan ma seħħx. Fit-tieni ġimgħa ta’ Jannar, il-UĦM kienet tat ġimgħa oħra ċans lill-Gvern biex isiru t-tibdiliet neċessarji. Għal darb’oħra, il-Gvern reġa’ ma żammx kelmtu tant li lanqas biss wieġeb korrispondenza li ntbagħtet mill-UĦM. Dan wassal biex il-unjin tiddikjara tilwima industrijali u tieħu diversi azzjonijiet,” spjegat l-istqarrija.