Filmat | Keith Schembri ma għadux fuq police bail; Jikkonferma l-Avukat

L-Avukat ta' Schembri jgħid li l-investigazzjoni dwar il-Whatsapp Chats ta' Schembri ġiet konkluża

L-Avukat ta' Keith Schembri, Edward Gatt, qal li l-investigazzjoni tal-Pulizija dwar iċ-chats tal-istess Schembri ġiet konkluża u għalhekk l-eks Chief of Staff ma għadux fuq police bail.

Huwa qal dan hekk kif Schembri ħareġ mid-Dipartiment għall-Investigazzjoni tar-Reat Finanzjarji f'Santa Venera fejn reġa' ssejjaħ llum waranofsinhar biex ikun interrogat mill-Pulizija.

"L-investigazzjoni ġiet mitmuma u l-klijent tiegħu ma għadux fuq police bail. Ma hemmx ħtieġa biex l-investigazzjoni tkompli għaddejja," insista l-Avukat.

Is-sena li għaddiet, Schembri kien arrestat u investigat ftit jiem wara l-konklużjoni ta' inkjesta maġisterjali fuq l-allegazzjoni li xxaħħam mill-bejgħ tal-passaporti.

Ilbieraħ, fl-istess Dipartiment, kien imsejjaħ l-eks Ministru Konrad Mizzi, li sal-lum għadu Deputat Parlamentari. L-interrogazzjoni damet madwar 90 minuta.

Kif ħareġ mill-binja, Mizzi qal biss li kif għamel dejjem, se jibqa' jikkopera mal-Pulizija.

Schembri u Mizzi kienu fetaħ kumpaniji fil-Panama, liema kumpaniji kellhom rabta mal-kumpanija 17 Black li kient deskritta bħala t-target client tagħhom. 

Il-kumpanija 17 Black hija ta' Yorgen Fenech, l-allegat mandant tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

More in Politika