Filmat | Jittieħdu lura f'pajjiżhom grupp ta' immigranti li ma kkwalifikawx għall-ażil

L-immigranti joriġinaw kollha minn barra mill-Unjoni Ewropea u waslu Malta rregolarment bil-baħar fl-2020

Grupp persuni li waslu Malta irregolarment u li ma kkwalifikawx għall-ażil ġew irritornati lejn il-pajjiż tal-oriġinu tagħhom permezz ta’ operazzjoni ta’ ritorn mis-Sezzjoni tal-Immigrazzjoni tal-Pulizija.

Ir-ritorn ta’ dawn il-persuni sar permezz ta’ titjira minn Malta. 

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, spjega kif it-tħejjijiet għar-ritorn ta’ dawn il-persuni sar wara li ġie konkluż il-proċess tal-ażil u ġie determinat li dawn il-persuni ma ħaqqhomx protezzjoni internazzjonali f’Malta.

L-immigranti joriġinaw kollha minn barra mill-Unjoni Ewropea u waslu Malta rregolarment bil-baħar fl-2020. 

Ir-ritorn ta’ persuni li ma jkunux jeħtieġu protezzjoni ma jiddependix biss mill-ħidma tal-awtoritajiet Maltin, fosthom il-Pulizija ta’ Malta, il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, u l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Ewropej. 

Fil-fatt ir-ritorn ta’ persuni li jkunu jinsabu illegalment fit-territorju tal-Unjoni Ewropea jkun jista’ jsir biss permezz tal-approvazzjoni tal-pajjiż tal-oriġinu.

Fin-nuqqas ta’ dokumenti ta’ identifikazzjoni, l-awtoritajiet fil-pajjiż tal-oriġinu jkunu mistennija li jidentifikaw lil dawn il-persuni bħala ċittadini ta’ dak l-istess pajjiż.

Hekk kif jitlesta l-proċess ta’ identifikazzjoni, ikun imiss li jinħareġ dokument tal-ivjaġġar mill-pajjiż tal-oriġinu qabel ma jkun jista’ jseħħ ir-ritorn. 

L-immigranti kienu skortati minn uffiċjali tal-Pulizija u tim mediku matul it-titjira lejn il-pajjiż tal-oriġinu. 

Parti sostanzjali mill-ispejjeż relatati ma’ din l-operazzjoni ġew koperti minn fondi tal-Unjoni Ewropea ddedikati għar-ritorn mill-Fond għall-Ażil, Migrazzjoni u Integrazzjoni.

More in Politika