Intervista | Ir-raġel wara l-madum tradizzjonali magħmul bl-idejn
Il-maduma Maltija hija ihla li naqxet isimha fil-kultura tagħna għal-iktar minn 300 sena. ILLUM tkellmet ma' Chris Colombo, li ilu jaħdem din is-sengħa artiġġjanali minn ġenerazzjoni għall-oħra. X’inhu l-proċess li jwassal għal maduma Maltija? Għad hawn domanda għal dan ix-xogħol?
minn Marianna Calleja
Ġo ħanut żgħir f’waħda mill-aktar toroq traffikużi u mimlija ħajja li hemm f’San Ġwann, insibu wieħed mill-aħħar persuni li għadu jagħmel l-maduma Maltija b’idejh. Din it-triq dejjem b’xi ħaġa għaddejja, iżda malli tasal ma’ dan il-bieb tal-injam, li donnu jistona ma dawk ta’ ħwienet l-oħra, tħoss biss serenita’ hekk kif jaqa’ l-kwiet u Colombo jehda f’xogħolu. Colombo kompla dan ix-xogħol wara missieru Ġuzeppi, li fetaħ l-istess ħanut kważi 70 sena ilu. “Ilni hawn min mindu kont żgħir, minn meta kont bil-ħarqa” qal in-negozjant filwaqt li pprepara t-taħlita biex jibda x-xogħol.
‘Il-madum Malti hu Malti mil-bidu sal-aħħar’
“Ilni hawn min mindu kont żgħir, minn meta kont bil-ħarqa” qal in-negozjant filwaqt li prepara t-taħlita biex jibda x-xogħol. Colombo insista li “l-madum Malti hu Malti mil-bidu sal-aħħar”. Hu spjega kif il-maduma Maltija ssir b’materjal kollu Malti. Infatti l-materja prima tiġi preparata minnu stess minn ġurnata qabel.
U xi ngħidu għad-diżin? Colombo tkellem fuq l-ismijiet użati biex jiddistingwu maduma minn oħra. Fosthom insibu 'Għajn il-Baqra' u 'Sieq it-Tiġieġa' biex insemmu ftit. Huwa importanti li wieħed iżomm f'moħħu li dan il-madum hu magħmul individwalment bl-idejn, fil-każ ta’ Colombo, tant li mitt metru madum kważi jieħu kważi xahar u nofs biex jitlesta.
‘Dan iż-żmien laħqu diżinjaturi bravi li jirnexxilhom jinkorporaw l-istil kontemporanju ma’ dak rustiku’
Mistoqsi jekk żdiditx id-domanda għal dan it-tip ta’ madum, Colombo wieġeb li “riċentament reġa’ sar moda”. Filwaqt li beda jipprepara l-għodda tiegħu, hu qalilna li dan l-aħħar iktar qed jaghmel madum għal appartamenti milli għal djar oħra. Colombo kompla jgħid kif “dan iż-żmien laħqu diżinjaturi bravi li jirnexxilhom jinkorporaw l-istil kontemporanju ma’ dak rustiku” u li bis-saħħa ta’ dawn in-nies reġa’ qam l-għatx għal dan ix-xogħol. “Minn kollox ikolli; diżinjaturi, kumpaniji, u anke nies bħal koppji zgħar li xtraw l-ewwel dar tagħhom”.
‘Nies barranin saru japprezzaw iktar dan ix-xogħol. Saħansitra jekk jidħol jixtri barrani lanqas għal prezz ma jitlob.’
Ir-raġel li ilu jaħdem f’din is-sengħa għal aktar minn tlett deċennji, qal li jiġu ħafna barranin jixtru mingħandu. Infatti hu jħoss li “l-barrani sar japprezza iktar dan ix-xogħol. Saħansitra jekk jidħol jixtri barrani lanqas għal prezz ma jitlob.” Kompla billi spjega li jista jkun li għax filwaqt madum tradizzjonali f’postijiet 'il bogħod minn xtutna jinbiegħ il-fuq minn €100 il-metru, xi madum tradizzjonali Malti jinbiegħ €2.40 il-waħda. Colombo jirrakkonta l-iktar klijenti memorabli għalih fosthom meta ambaxxatriċi Ingliza marret tixtri biżejjed madum biex timla tlett kmamar fid-dar tagħha lura fl-Ingilterra, propju fl-aħħar ġurnata tagħha f’Malta.
‘Mhux xogħol li fih ammont kbir ta’ periklu iżda hu xogħol ta’ strapazz għax trid toqgħod fuq saqajk ġurnata sħiħa’.
Il-ħanut jiftħu fis-sitta u nofs ta’ filgħodu u qabel is-sebgħa ta’ filgħaxija ma jaħsibx biex jinġabar f’daru. Colombo esprima l-opinjoni li dan mhux xogħol faċli, “mhux xogħol li fih ammont kbir ta’ periklu iżda hu xogħol ta’ strapazz għax trid toqgħod fuq saqajk ġurnata sħiħa”. Tkellem ukoll fuq kif qabel kienu disa’ min-nies iżda issa spiċċa waħdu filwaqt li ammetta li hu wkoll jista' jmur jaħdem ma’ xi kumpanija jekk irrid, imma jinkwieta li m’hawn ħadd li jista’ jkompli jieħu ħsieb dan ix-xogħol warajh. “Trabbejt go fih dan biss naf”, tenna Colombo. Hu ħa ukoll Ġieħ San Ġwann għax-xogħol siewi li qed jagħmel.
‘Ngħid il-verita’ malli għaraft lili nnifsi fuq il-faċċatta ta’ dan il-ktieb, emozzjonajt naqa ruħi.’
Colombo b’entużjażmu ħareġ jiġri xi paġni ta’ rivisti flimkien ma’ kotba oħra u spjega li jiġu jżuruh bosta nies, kemm tal-aħbarijiet u anke tal-gazzetti li saħansittra sab ruħu anke fuq rivista li jqassmu l-ajruport lit-turisti deħlin f’pajjiżna. “Kull ħaġa li jagħtuni ngħożża iżda l-isbaħ rigal u li jibqa’ għal qalbi hu dan il-ktieb”, kompla jirrakonta. Il-ktieb li tkellem fuqu dan ir-raġel umli hu dwar tradizzjonijiet Maltin li qed jieqfu. Hu kompla jirrakkonta li darba kien hemm raġel partikolari li kien għamel tlett t’ijiem jmur jisimgħu u jħarbex fil-karti. Kien jmur u miegħu jieħu żewġ pastizzi u filwaqt li jieklu jkomplu għaddejin bid-diskussjoni. “Ma kontx naf għaliex eżatt kien qed jigi u meta ġie ppublikat l-ktieb ġabli kopja. Ngħid il-verita’ malli għaraft lili nnifsi fuq il-faċċata ta’ dan il-ktieb, emozzjonajt naqa ruħi.”
Il-Proċess
Fl-antik, kont isib djar bla madum u minflok bl-art taċ-ċangatura. Kont issib ukoll uhud li jagħmlu biss madum f’postijiet tad-djar li jidru mill-bieb ta’ barra bħal l-intrata. L-ewwel madum li kien beda jsir u jintuża kien bla diżin u b’lewn wieħed. Iżda illum il-ġurnata jeżistu ħafna diżinji li permezz tagħhom sempliċiment maduma tfur bit-tradizzjoni u kultura. Colombo jispjega li l-kuluri baqgħu l-antika, “apparti l-abjad u griż, kollha kuluri bażiċi. Issib isfar, aħmar u aħdar, imma ovvjament l-kulur tagħmlu skont x’jitolbok il-klijent.”
Hawnhekk xammar il-kmiem u beda’ jispjega b’reqqa l-proċess wara maduma tradizzjonali Maltija.
Il-proċess jibda billi jitnaddaf il-kwadru li jintuża bħala sapport biex iżomm it-taħlita flimkien sakemm tagħqad. “Tajjeb li jitmessah sew biex ma jeħilx trab mal-plakka u ma jitfottiex id-dizinn.” Il-plakka hi l-forma tal-ħadid li tagħti l-madum id-diżinn tagħha. Il-plakka tiġi mlibbsa fil-kwadru u permezz tas-sasla titella it-taħlita tal-kulur.
Meta il-kulur ikun ingħata, jibda traxxixx tal-putraxx. Din hi taħlita ta’ siment u ramel biex jiġbed l-ilma. Dan il-proċess irid ssir bil-galbu għax jekk it-taħlita tintefa fuq il-kulur bl-addoċċ, faċilment jitħallat kollox. Wara dan, jingħata l-milanċ. Din hi l-istess taħlita ta’ siment u ramel iżda tkun niedja biex tkun faċli tagħqad.
Il-konsistenza trid tkun dejjem l-istess sabiex jinkisbu l-aħjar riżultati. Colombo spjega li hemm varjetà ta’ fatturi li jistgħu jbiddlu l-apparenza finali tal-maduma hekk kif qed tiġi ffurmata. Fosthom hemm it-temperatura, il-livell ta’ umdità u l-varjazzjonijiet fit-taħlita biex nsemmu ftit. Minkejja s-snin ta' esperjenza tiegħu f’din is-sengħa, hemm drabi fejn maduma toħroġ ħażina.
L-aħħar pass jirrikjedi li tintlibes t-tampun fuq il-kwadru iżda mhux qabel ma’ jiġi llivellat il-milanċ b’injama. It-tampun hi pjanċa lixxa li wara li tissiġilla kollox tiddaħħal taħt il-pressa tagħqad kollox. Il-maduma kważi lesta, kull ma jkun baqa’ li titħalla tinxef għal ġurnata.
Il-proċess mhux twil, iżda repettitiv u forsi jinstema monotonu iżda Colombo temm jgħid li, “tinsa x-xogħol li tkun ħadt magħha meta tara l-wiċċ, fl-aħħar mil-aħħar din arti.”
Dan il-proċess ftit ivarja min dak li kien jagħmel missieru, saru biss żewġ tibdiliet. L-ewwel waħda saret lit-taħlita, qabel kien jinħadem bir-ramel tal-baħar iżda fil-preżent jinħadem bit-trab tal-irħam u ramel tal-qawwi imħallat miegħu. Bidla oħra hi li issa jeżisti aċċess għal magna tal-press, meta qabel kien isir kollox manwalment.
‘Fuq spaga qieghed’
Mhux l-ewwel darba li Colombo tkellem fuq kif jibża li din is-sengħa se tieqaf miegħu. Mistoqsi jekk jitħajjarx jgħallem studenti li forsi xi drabi jistgħu jieħdu postu, hu jwieġeb “għadni ma rridx nikxef is-sigrieti tal-industrija, iżda ma neskludix li la nikber aktar ikolli ngħallem lil xi ħadd barra mill-familja”.
Colombo insista li x-xogħol għal grazzja t’Alla qatt ma jispiċċa tant li hu bbukjat sa’ Marzu tal- 2022 iżda hu l-unika fabbrika antika tat-tip tiegħu tant li hu jtemm jgħid: “Jien għadni bil-kirja l-antika u din hi l-unika fabbrika li ta’ dan it-tip. Nibża li se jieħduli kollox. Jien fuq spaga qiegħed hawn”