Il-Kunsill Lokali ta’ Pembroke għadu qed joġġezzjona għall-proġett tad-DB Group minkejja li fl-aħħar ġimgħat kienu ppreżentati emendi fil-pjanti. Il-Kunsill Lokali tenna li l-proġett huwa wieħed kbir wisq meta wieħed iqis li jinsab viċin żona residenzjali.
Is-Sindku tal-lokal, Dean Hili, kiteb lill-Awtorità tal-Ippjanar jisħaq li l-proġett, minkejja l-emendi, xorta waħda ma jilħaqx l-aspettativi tal-kunsill.
Skont il-pjanti l-ġodda, it-torri li kellu jlaħħaq il-31 sular, issa tnaqqas għal 17-il sular, filwaqt li l-lukanda se tkun qed tinbena fuq 12-il sular flok 17.
Il-bidliet saru wara li dan il-proġett kellu jiffaċċja oppożizzjoni kbira minn għadd ta’ NGOs, immexxija mill-Moviment Graffitti. Kien hemm xejn inqas minn 5,800 oġġezzjoni għal dan il-proġett.
Fis-sottomissjoni tiegħu, il-Kunsill laqa’ dawk li sejħilhom bħala ‘bidliet sostanzjali’ li saru mill-iżviluppatur, wara laqgħat li kelhom flimkien. Fost dawn, il-Kunsill laqa’ t-tneħħija tal-casino u anke s-sala tat-tiġijiet.
Laqa’ wkoll il-fatt li mhux se jkun qiegħed jiġi propost skavar taħt il-binja tal-ITS li viċin tagħha hemm Għar Harq Hamiem. Madanakollu insista li l-proġett xorta waħda ma jindirizzax l-akbar tħassib tal-kunsill, jiġifieri l-effett li dan il-proġett se jkollu fuq iż-żoni residenzjali fil-viċin.
Minkejja dawn il-bidliet, fl-aħħar ġimgħat iddaħħlu 1,734 oġġezzjoni.
Id-DB Group kien l-uniku wieħed li wieġeb għas-sejħa ta’ proposti li kienet ħarġet minn Projets Malta, fi żmien li din kienet taqa’ taħt Konrad Mizzi, meta kien għadu Ministru.
F’rapport ippubblikat is-sena li għaddiet, l-Awditur Ġenerali kien tefa’ dubji fuq dan it-tender, li ma rnexxilux jikseb l-approvazzjoni tad-Dipartiment tal-Kuntratti.
Il-Qorti kienet irrevokat il-permess li kien ingħata fl-2018, wara li membru tal-Awtorità tal-Ippjanar, li hu involut fis-settur tal-proprjetà, kellu kunflitt ta’ interess dirett, iżda xorta waħda kien ivvota dwar il-proġett.
Sussegwantalment kienu ppubblikati pjani ġodda, li niżlu t-torri għal 31 sular, iżda lanqas dawn ma kienu biżżejjed u l-iżviluppaturi kellhom jerġgħu jirrevedu l-proġett.