Il-Kamra tal-Periti kkritikat lill-Gvern għall-fatt li fi kliemha, falla milli jiltaqa’ magħha biex jiddiskuti l-Abbozz ta’ Liġi għat-Twaqqif tal-Awtorità għall-Kostruzzjoni u l-Bini u dan minkejja li kien hemm tliet tentattivi biex dan iseħħ.
Waqt konferenza li saret illum, il-President tal-Kamra, Andre Pizzuto, saħaq li l-Kamra għamlet kuntatt mal-Ministru responsabbli mill-ippjanar, Aaron Farrugia u mas-Segretarju Parlamentari Chris Agius, meta l-Abbozz ta’ Liġi tressaq quddiem il-Parlament.
Skont Pizzuto, il-Kamra ppruvat it-tieni darba f’Jannar biex tiddiskuti dan l-Abbozz u reġgħet għamlet l-istess fi Frar, iżda kollu kien għalxejn.
Il-Kamra tal-Periti ma taqbilx ma’ diversi punti. Fost dawn qed tikkritika l-fatt li l-Abbozz ta’ Liġi jagħti l-poter assolut lill-Awtorità fejn tidħol id-delegazzjoni ta' rwoli lill-entitajiet, kemm tal-Gvern u anke dawk li mhumiex.
“Il-liġi tagħti wkoll il-poter lill-Bord illi jiddelega xi xogħol li jkun qed jagħmel. Madanakollu ma jispeċifikax x’jista’ jiddelega u x’ma jiddelegax. Lanqas ma jispeċifika l-proċeduri li bihom din id-delega għandha titħaddem,” insistiet il-Kamra tal-Periti.
Fi kliemha, dan jista’ jwassal għal abbuż jew nuqqas ta’ trasparenza
Pizzuto insista li dan jista’ jwassal biex il-liċenzjar tal-kuntratturi jew inkella rwoli oħra li suppost tagħmel l-Awtorità, jistgħu jkunu delegati lil lobby groups bħalma hija l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi (MDA).
Infurzar f'idejn il-LESA?
“Tlabna lill-Gvern jispjega għaliex qed jidħol dan il-kunċett ġdid. Staqsejna wkoll b’mod dirett jekk il-liċenzjar tal-kuntratturi hux ser issir minn entità mhux governattiva, u rreferejna għall-opinjoni tal-Ombudsman fuq dan il-punt. Qabel ma seta’ jirrispondi l-Gvern, ħareġ il-kelliem tal-Oppożizzjoni l-Onorevoli Schiavone jiddefendi l-kunċett illi l-liġi tinbidel sabiex l-MDA ikunu jistgħu jilliċenzjaw il-kuntratturi,” kompliet il-Kamra.
Pizzuto saħaq li minflok wieġeb, il-konsulent tal-Gvern ħareġ b'ipotesi li fi kliemu hija "inkwetanti" biex jiġġustifika dan l-artikolu fil-liġi.
'Qal li jista’ jkun hemm il-ħsieb li l-infurzar jiġi ddelegat lill-LESA,' kompla Pizzuto.
Dwar il-liċenzjar, insistiet li dan huwa neċessarju, biex kemm il-Kamra stess, iżda wisq iktar min ikun qiegħed jikkummissjona x-xogħol, jkollu moħħu mistrieħ dwar il-kompetenzi tal-kuntrattur li qed jitqabbad.
“Bl-istess mod, il-pubbliku għandu jkollu moħħu mistrieħa li min ser jingħatalu liċenzja ser ikollu rikonixximent mill-Istat kif għandhom il-Periti,” kompliet tgħid il-Kamra.
Il-Kamra tal-Periti saħqet li hi ma għandha l-ebda interess li tkun fuq il-Bord tal-Awtorita. Mill-banda l-oħra, l-MDA qed tinsisti li wieħed mill-membri tagħha għandu jkun fuq dan l-istess Bord.