Il-Viċi President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ġiet eletta bħala l-President tal-kumitat investigattiv il-ġdid, li għadu kif ġie nkarigat biex jinvestiga l-allegazzjonijiet dwar il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll lir-rwol tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, Frontex.
Il-ħatra tagħha kienet appoġġata minn kull grupp politiku ewlieni fil-Parlament Ewropew.
Ftit wara li ġiet maħtura, il-Viċi President Metsola qalet li permezz ta’ dan il-proċess "irridu nagħtu tweġibiet ċari għall-mistoqsijiet li qed jitqajjmu u nirrakkomandaw titjib fil-mod ta’ kif isiru l-affarijiet."
Metsola se tirrapporta lura lill-Parlament Ewropew fi żmien ta’ erba’ xhur. Hija qalet li "aħna se niffokaw fuq aspetti differenti inkluż il-konformità u r-rispett tad-drittijiet fundamentali; l-amministrazzjoni interna tal-Aġenzija u l-importanza li jintlaħqu standards ta’ trasparenza u kontabilità li huma dejjem mistennija minn kull aġenzija tal-UE."
L-MEP Metsola kompliet tgħid li l-mandat ta’ dan il-Kumitat ġdid huwa wiesgħa apposta biex ikun jista’ jħares lejn kull aspett differenti tal-ħidma tal-Aġenzija. "Ser ikun hemm ukoll analiżi fuq jekk din il-ħidma tal-Frontex taqbilx mal-valuri u l-miri tal-UE fuq dan is-suġġett. Nispera li l-proċess iwassal għal sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet li jagħtu ċarezza liċ-ċittadini inġenerali."