Vince Muscat, wieħed mill-irġiel akkużati illi wettqu l-assassinazzjoni ta' Daphne Caruana Galizia, wieġeb ħati għall-akkużi kontrih fir-rigward tal-istess qtil. Muscat, magħruf bħala l-Koħħu u li kien ġie akkużat flimkien mal-aħwa Degiorgio, kien wieġeb mhux ħati għall-ewwel iżda huwa mifhum li dan l-aħħar kien qed jikkoopera mal-pulizija tant li dawn setgħu jagħmlu żblokk f'diversi każi.
Għalhekk il-Qorti għaddiet sentenza li tinnota illi wara qbil bejn il-partijiet se tibgħat lil Vince Muscat 15-il sena ħabs u tordnalu jħallas l-ispejjeż kollha relatati mal-Qorti għal total ta' €42,930.
Muscat se jkun qed jixhed fil-każ kontra George u Alfred Degorgio.
Oriġinarjament il-Koħħu kien talab biex jingħata l-maħfra Presidenzjali, liema maħfra hu talabha għaliex kien hu li fil-fatt beda jikxef informazzjoni u li semma' lil Melvin Theuma - l-allegat intermedjarju fil-qtil - għall-ewwel darba, kien xehed l-eks avukat tiegħu Arthur Azzopardi. Theuma stess fil-Qorti kien qal li l-Koħħu "kien lest jikxef kollox dwar seba' omiċidji. Kollox ħlief is-serqa tal-HSBC (10 snin ilu), " li fil-fatt kien akkużat illi kien imdaħħal fiha.
Meta l-allegat intermedjarju, kien ingħata l-maħfra presidenzjali biex jikxef dak li jaf, Pauline Muscat, mart il-Koħħu, kienet tkellmet ma’ Reuters u saħqet li l-maħfra messu ħadha żewġha għax kien hu li kixef dak li jaf u li għadda biżżejjed informazzjoni biex il-Pulizija setgħet tasal għall-arrest tal-istess Theuma u Yorgen Fenech.
Kien l-avukat ta' Muscat, Marc Sant dalgħodu li informa lill-Qorti illi l-klijent tiegħu jixtieq jammetti l-ħtija. Waqt li kien bilqgħieda jżomm imnieħru l-akkużat kien mistoqsi mill-Qorti: Trid tammetti? "Iva", tkun ir-risposta. Kif twieġeb għall-akkużi miġjuba kontrik? "Ħati", jgħid Muscat.
Il-Qorti għalhekk tat lill-akkużat ftit tal-ħin biex jirrikonsidra, hekk kif obbligata tagħmel fil-liġi u fakkret li marbuta hemm possibilità ta' ħajja priġunerija. "Għadek qed tammetti l-ħitja?" tistaqsi l-Qorti. "Ħati" jirrepeti Vince Muscat.
Mal-ILLUM l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien qal illi hu ma jkollu ebda problema li din il-maħfra tkun riveduta.
Il-Gvern iżda kien iddeċieda kontra maħfra Presidenzjali oħra fuq dan il-każ. Minkejja dan illum stess, tħabbar illi wara deċiżjoni tal-Kabinett fil-laqgħa ta' nhar it-Tnejn Muscat se jingħata maħfra Presidenzjali għall-każ tal-qtil ta' Carmel Chircop, ir-raġel li kien għadda €750,000 lis-sid tal-More Supermarket Ryan Schembri, li sussegwntement kien ħarab mill-pajjiż.
L-Avukat ta’ Muscat, Marc Sant, kien akkuża lill-Ispettur Keith Arnaud u lil Kurt Zahra li qed itawwlu l-proċess apposta fl-interess ta’ “persuni terzi prominenti,” li għad iridu jissemmew b’rabta mal-qtil ta’ Caruana Galizia.
Muscat kellu ħames sessjonijiet mal-Pulizija bejn Jannar u Frar tal-2020 li fihom żvela dettalji dwar diversi reati oħra li seħħew qabel il-qtil ta’ Caruana Galizia.
Il-Koħħu saħansitra ried lill-Kabinett kollu, mill-2017 sal-lum, inkluż l-eks Prim Ministru Joseph Muscat u l-eks Chief of Staff Keith Schembru, biex jixhdu dwar it-talba tiegħu biex jingħata l-Maħfra Presidenzjali.