Rosianne Cutajar tirriżenja minn Segretarju Parlamentari sakemm Hyzler jiddeċiedi dwarha

Is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar tirriżenja hekk kif bħalissa qed tiġi investigata mill-Kummissarju tal-Istandards 

Is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar ħabbret ir-riżenja tagħha mill-kariga sakemm il-Kummissarju tal-istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler jiddeċiedi dwar il-każ tagħha.  Cutajar - flimkien mal-assistent tagħha Charles Farrugia magħruf bħala 'It-Tikka' - huwa allegat li daħlet madwar €46,500 fi flus mhux iddikjarati minn bejgħ ta' proprjetà fl-Imdina lil Yorgen Fenech - liema bejgħ waqa' wara l-arrest tal-istess Fenech b'konnessjoni mal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia. 

Il-konvenju kien iffirmat f'Mejju 2019 f'Portomaso u Fenech kien ħallas depożitu ta' €300,000 fi flus kontanti.  Cutajar u Farrugia kienu irrapportati illi daħħlu l-flus bħala senserija.  Fil-fatt il-gazzetta The Times irrappurtat kif Cutajar ħadet total ta' €9,000 minn dawn il-flus għaliha, f'senserija filwaqt li l-Ħadd li għadda l-istess gazzetta irrappurtat kif messaġġi tal-Whatssapp bejn Cutajar u Fenech juru li din talbitu għajnuna finanzjarja biex tagħmel sondaġġ fuq id-distrett tagħha.

Il-proprjetà fl-Imdina kienet ta' Green Eyes Ltd. immexxija minn Pierre Lofaro, imma s-sid benefiċċjarju kien il-proprjetarju Joe Camilleri.

Fi stqarrija tal-Gvern intqal li l-Prim Ministru laqa’ r-riżenja, pendenti l-eżitu tal-proċess quddiem Hyzler filwaqt li wera' l-apprezzament tiegħu għall-mod kif Rosianne Cutajar "għażlet li ġġib l-interessi tal-Gvern u tal-pajjiż qabel tagħha personali."

'Qtajt kull kuntatt ma' Yorgen Fenech meta kien magħruf li hu akkużat bil-qtil ta' Caruana Galizia'

F'kummenti fuq Facebook Cutajar sostniet illi l-aħħar ġimgħat "kienet suġġetta għal diversi attakki inġusti, spins politiċi u kummenti qarrieqa.  Mhux ħa nidħol fil-mertu ta' kif hemm min għandu aċċess għal konversazzjonijiet privati, minkejja digriet ċar mill-Qorti li jgħid li dan hu reat kriminali.  Se nikkummenta biss fuq kif, b'mod selettiv, qed jinħarġu għadd ta' messaġġi mingħajr kuntest, li jmorru lura għall-2019 meta ma kelli ebda kariga eżekuttiva. Dan biex mingħalihom ikissru r-reputazzjoni tiegħi u jagħmlu ħsara lill-Gvern u lill-Partit Laburista," sostniet Cutajar fil-messaġġ tagħha. 

Hi reġgħet sostniet illi qatt ma għamlet negozju ma' Yorgen Fenech u tgħid illi minkejja li kienet tafu "il-mument li sar magħruf li hu akkużat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, jien qtajt kull kuntatt."

Hi iżda ċċarat illi fis-snin li kienet taf lil Fenech qatt ma użat l-ebda kariga politika tagħha biex tinfluwenza xi proċess jew deċiżjoni.

"Fil-karriera politika tiegħi dejjem aġixxejt b’mod integru u korrett," sostniet Cutajar.

Hija temmet tgħid illi f'mument fejn - skont hi  - qed jidher "kemm dan hu pajjiż fejn tirrenja l-ġustizzja u s-saltna tad-dritt, mhux se nħalli lil min juża lili biex jipprova jattakka lill-Gvern Laburista u jkisser il-ġid li qed inġibu għall-pajjiż.  Ma jien se nħalli ebda allegazzjonijiet foloz u malinni jtappnu r-riformi li ilna tant naħdmu għalihom u li se nwettqu għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin kollha," temmet tgħid fil-messaġġ tagħha. 

Intant fl-ewwel reazzjoni l-Għaqda Repubblika - li lbieraħ kienet qed tipprotesta quddiem il-Ministeru tal-Ġustizzja - qalet illi minkejja li dan huwa pass pożittiv Cutajar "messha tirriżenja mill-Parlament" u sostniet illi l-PM Abela tilef opportunità li jneħħi lil Cutajar hu stess u jagħti sinjal favur il-governanza.  Ħsieb simili kien espress mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech. 

More in Politika