Intervista | 'L-agħar ħaġa li nistgħu nagħmlu huwa li mmorru għall-awsterità'

Issa l-Gvern ilu joħroġ il-miljuni kważi sena, inkluż €40 miljun fix-xahar f'pagi lil eluf ta' ħaddiema fil-privat.  Imma l-kaxxa ta' Malta mhix bir bla qiegħ.  Nistennew l-issikkar taċ-ċinturin mill-Baġit li jmiss? L-ILLUM tistaqsi ...

Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana
Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana

Id-dinja għaddejja minn sfidi kbar - ta' saħħa pubblika imma wkoll sfidi ekonomiċi kbar hekk kif il-pandemija wasslet għall-akbar riċessjonijiet sa mill-Gwerra, bl-ivvjaġġar u allura t-turiżmu jieqfu.  L-effetti huma devstanti u jidhru.  Malta wkoll għaddejja minn żmien ekonomiku iebes, bis-settur tas-servizzi jieħu daqqa liema bħala.

Ġejja l-awsterità?  Se npattu qares? 

Minkejja dan, il-Gvern baqa' għaddej b'rittmu partikolari ta' miżuri li jqassmu l-flus, uħud minnhom li jiswew miljuni kbar:  Vouchers, Suppliment tal-Paga, tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl u ilma, tnaqqis fuq taxxa fil-proprjetà, żidiet f'numru ta' benefiċċju, ħlasijiet ta' darba lill-każini u bars.  Fuq in-naħa l-oħra, ħafna inqas dħul u inqas persuni barranin f'Malta, jaħdmu, jikkunsmaw, jikru u jonfqu. 

Ħafna jemmnu - u ma tagħtihomx tort - li ta' dan kollu rridu npattu qares.  Il-gazzetta ILLUM tistaqsi lill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana jekk nistennewx snin ta' awsterità u taxxi. 

"Le.  Dak ikun l-akbar żball li Gvern jista' jagħmel u qed ngħid hekk mhux għax dak li qed nonfqu illum ma rridux nirkuprawh," jibda jwieġeb lil din il-gazzetta.  Hu jfakkar illi hemm tliet modi kif wieħed jista' jirkupra dawn il-flus:  L-ewwel li tnaqqas l-ispiża tal-Gvern, it-tieni li żżid it-taxxi jew it-tielet li hija tkabbir ekonomiku. 

Huwa fakkar li l-finanzi tal-Gvern, "tjiebu, ħadu spinta u kellna surplus għax l-ekonomija bdiet tikber b'medja ta 6% fis-sena.  Jekk jinħoloq il-ġid, il-Gvern jieħu aktar f'tassazzjoni u allura dħul, li jfisser illi l-pajjjż jirreġistra surplus," sostna l-Ministru Caruana f'eku fil-fatt tal-politika finanzjarja tal-Gvern preżenti għal dawn l-aħħar snin.  Huwa jgħid li għax ħadem b'dan il-mod il-Gvern seta' jmur lura għall-flus li kellu fil-but, meta l-aktar li kellu bżonn.  "Filwaqt li d-dħul naqas, jekk mhux nixef għal kollox, xorta sibna kemm kien hemm bżonn biex inżommu lin-negozji għaddejjin - mhux jiffjorixxu għax bħalissa mhux iż-żmien anke jekk kien hemm minn baqa' sejjer tajjeb - imma biex jibqgħu għaddejjin.  Jekk inżommu lin-negozji fil-wiċċ, dawn ikunu jistgħu jżommu lill-ħaddiema magħhom,"sostna Caruana. 

Huwa qal li għalkemm din tal-Covid-19 se ddum għaddejja l-importanti huwa li meta tgħaddi l-pajjiż jsib ekonomija li fuqha jista' jerġa jibda jibni l-irkupru u timxi 'l quddiem.  "Dan qed jiswa' flejjes kbar.  Jekk illum ma nonfqux niġu għada u nistqsu:  Fejn hija l-ekonomija li kellna?"

Il-gazzetta tistaqsi kemm mill-flus għal dawn il-miżuri kienu jiddependu fuq dħul mill-IIP, jiġifieri l-bejgħ taċ-ċittadinanza. 
Carauana jiddeskrivi bħala "illużjoni" li l-finanzi tal-Gvern b'xi mod jiddependu mill-flus tal-IIP u jisħaq illi dawn qed jintużaw biss għal proġetti kapitali. 

'Is-suppliment tal-paga se jibqa', wara Marzu'

Il-wage supplement kienet meqjusa minn bosta illi kienet kruċjali sabiex mijiet ta' negozji setgħu jżommu magħhom lill-ħaddiema.  Se tiġi estiża għal wara Marzu? 

"Bilfors," iwieġeb il-Ministru.  Huwa jgħid li għalkemm id-diskussjoni għad trid isir fuq din il-materja jara li Marzu huwa kmieni wisq biex tittieħed deċiżjoni li tkun tfisser it-twaqqif ta' dan is-suppliment.

Il-gazzetta tfakkru wkoll li ħafna moratorji issa se jkunu qed jibdew jgħalqu u allura dan ifisser li n-negozji li ħadu l-moratorji jridu jibdew iħallsu, uħud minnhom b'rata ogħla.  Qed jaħseb għal din id-daqqa l-Gvern?

Il-Ministru Caruana qal illi l-Gvern konxju ta' dan u qiegħed jaħdem, flimkien ma' dawk li jirrapreżentaw lil min iħaddem, biex fiż-żmien li ġej ikun jista' jħabbar miżuri li joffru serħan il-moħħ lil dawn il-mijiet ta' negozji.

'Il-flus għall-vouchers hemm għadhom u se jintefqu'

Kollox idur u jorbot mas-saħħa u n-numri, iżda naturalment hemm miżuri li qed jistennew u negozji li issa qed iħossu d-daqqa, waħda tajjeb.  Il-vouchers x'se jiġri minnhom?  Se joħorġu jew se jibqgħu posposti?
Caruana jgħid illi l-agħar ħaġa li tista' ssir, ekonomikament, hija li tibda rankatura u mbagħad kollox jerġa jieqaf, għax fi kliemu jkun aktar diffiċli li l-ekonomija terġa' tibda l-irkupru imbagħad. 

"Il-flus allokati għall-vouchers hemm għadhom u se jintefqu.  Il-pandemija qed turina biċ-ċar illi malli terħi ftit, in-numri jerġgħu jiżdiedu u kollox jerġa jipparalizza.  Dan mhux min ikollu l-virus biss ikollu jibqa' d-dar, imma dawk in-nies ta' madwarhom ukoll ..."

Huwa qal li għalhekk huwa importanti li dejjem jinżamm il-bilanċ.  "Hemm bilanc li importanti nosservaw - għax jekk nippruvaw niżbilanċjaw biex, per eżempju,  nintogħġbu ma' settur wieħed biss ikollna problema u konsegwenzi ftit biss wara."

Vaċċin:  Ħdejn pajjiżi oħrajn qegħdin fuq quddiem 

Fuq livell Ewropew teżisti frustrazzjoni li qed tikber dwar il-proċess ta' vaċċinazzjoni u s-sensazzjoni li dan miexi wisq bil-mod sabiex tintlaħaq il-mira ta' 70% mill-poplu vaċċinat sas-sajf. 

Il-Ministru tal-Finanzi f'eku wkoll ta' dak li qalu diversi MEPs fil-Plenarja tal-Parlament Ewropew, qal illi l-problema tal-vaċċin hija l-produzzjoni mill-kumpaniji farmaċewtiċi - produzzjoni li mhux kbira daqs id-domanda għall-vaċċin. "Nistgħu biss inqabblu ma' dak li qed jiġri barra l-pajjiż.  Naħseb li bħala tilqim pajjiżna jinsab fuq quddiem nett mhux ħażin," temm jgħid Caruana.  

L-ekonomija s-sewda ħadet daqqa bis-Suppliment tal-Paga

F'konferenza ftit ġimgħat ilu l-Ministru tal-Finanzi sostna illi hemm bżonn issir evalwazzjoni ta' x'tip ta ekonomija rridu bħala pajjiż u jekk għandux ikun hemm restrizzjonijiet fuq ħaddiema minn pajjiżi terzi, skont il-bżonnijiet f'setturi differenti.  Kemm telqu ħaddiema barranin minn Malta? 

Il-Ministru ma jagħtix numru preċiż għalkemm jgħid illi dawn ilaħħqu l-eluf.  Huwa qal ukoll iżda li l-Gvern innota kif il-pandemija wasslet biex l-ekonomija s-sewda ħadet daqqa kbira hekk kif il-ħaddiema f'dawn l-impjiegi telqu kważi kollha mill-pajjiż.  "Malli faqqgħet il-pandemija, bdew iħossu l-għafsa n-negozji.  Il-Gvern għadda s-Suppliment tal-Paga, li naturalment tgħaddi għal dawk il-ħaddiema reġistrati u min iħaddem kellu għażla:  Jew jirreġistraw lil dawn il-ħaddiema jew iwaqfuhom," spjega l-Ministru Caruana. 

Moneyval: 'Għad fadal xi jsir'

Indawru ħarsitna fuq suġġett ieħor jaħraq, li ssemma' diversi drabi u li se jagħmel differenza kbira għal Malta, l-ekonomija u kemm tibqa' attratenti għall-investiment barrani:  Ir-rapport tal-Moneyval.

Jaħseb il-Ministru tal-Finanzi li Malta se tgħaddi minn dan it-test? 

Huwa qal li qed iħares 'l quddiem biex "tgħaddi din il-biċċa xogħol ħalli nkun nista' naħdem fuq materji oħrajn.  Ma ninsewx li wara r-rapport tal-Moneyval għandna tal-FATF u allura għandna sa madwar April, Mejju ..."

Il-Financial Action Task Force (FATF) hija l-għassies internazzjonali kontra l-ħasil ta' flus u l-iffinanzjar terrorsitiku.  Minn naħa l-oħra r-rapport tal-Moneyval dwar Malta jidħol f'diversi aspetti u allura l-eżitu tiegħu se jiddetermina ħafna kemm Malta tista' titqies bħala ġurisdizzjoni finanzjarja serja, wara li ntefa' ħafna dawl ikrah fuq pajjiżna bħala riżultat tal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia. 

"Għad fadal xogħol xi jsir f'sens ta' lobbying, biex nuru li bil-ħafna xogħol li sar matul is-sena l-oħra, Malta laħqet u ssodisfat il-miri mitluba minnha," saħaq il-Ministru Caruana.  Dwar dan il-punt hu temm jgħid illi minkejja l-apprezzament għal dan ix-xogħol li sar, li jemmen li se juru tal-Moneyval, "għad fadal xogħol xi jsir."

'Mhux żmien it-tisbit tas-saqajn'

U finalment induru fuq kwistjoni oħra kruċjali għal pajjiżna u għad-dħul tal-Gvern:  It-tassazzjoni.  

Il-Ministru Caruana donnu kkonċeda, xi ħaġa li l-ebda Ministru tal-Finanzi qablu ma għamel, li s-sistema ta' taxxa Maltija jaf ikollha tinbidel xi ftit minħabba pressjoni qawwija minn pajjiżi ikbar li jaraw illi Malta qed ddaħħal flus li suppost jitħallsu lilhom, għaliex ir-rata ta' tassazzjoni Maltija hija ħafna iktar vantaġġjuża. 

L-ebda Ministru qablu ma kkonċeda l-bżonn ta' xi bidliet.  Għaliex ħass li kellu jagħmel dan hu?

Hu beda mill-ewwel billi aċċerta illi hu mhux se jkun il-Ministru li jmur għand l-Unjoni Ewopea u jneħħi jew jagħti lill-UE dak li ġie mifthiem ma' pajjiżna.  "Mhux se naċċetta li din tittieħed minn idejna ..." qal Caruana, li iżda saħaq illi s-sitwazzjoni bil-pandemija inbidlet b'tali mod li t-tisbit tas-saqajn jaf ikun kontro-produttiv. 

"Ċerti pajjiżi ħadu daqqa kbira.  L-għatx għad-dħul finanzjarju f'pajjiżi bħal Franza u l-Italja - li raw d-defiċits tagħhom jisplodu - huwa kbir.  Il-finanzi tagħhom huma mkissrin," jgħid Caruana. 

Hu jgħid li apparti minn hekk l-OECD qed tmexxi  diskussjoni fuq livell globali biex sas-sena 2024 ikun hawn livell minimu ta' tassazzjoni f'ċerti pajjiżi, li jista' jfisser li Malta tintalab iċċaqlaq ir-rata ta' taxxa tagħha għal kumpaniji u korporazzjonijiet. 

Ifakkar li bosta jagħmlu l-argument u jfakkru li t-tassazzjoni hija materja li tibqa' f'idejn l-Istati membri, u biex jinbidlu l-affarijiet ikun jeħtieġ qbil unanimu bejn il-pajjiżi kollha.  Hawnhekk hawn ukoll l-użu tal-VETO. 

Filwaqt li jirrikonoxxi li dan huwa minnu jwissi illi l-UE "tista' tipprova tgħaddi mill-ventilatur, jekk ma tgħaddix mill-bieb."  Imma kif? 
Caruana jispjega illi hemm artiklu ieħor fit-Trattati li jirregolaw lill-UE li fihom jingħad illi jekk s-suq ewropew jkun impattat minħabba deċiżjoni ta' Stat Membru wieħed, il-Kummissjoni Ewropea tista' timponi bidla b'maġġoranza kwalifikata, jiġifieri maġġoranza sempliċi ta' pajjiżi tal-UE.

"Nemmen għalhekk li pajjiż bħal Malta jeħtieġ ikun aktar flessibbli.  Irridu nuru li aħna noperaw in bona fede u li m'aħniex tax haven," temm jgħid il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana mal-gazzetta ILLUM. 

More in Politika