Filmat | Repubblika jakkużaw lill-PM li qed juża tattiċi 'faxxisti' biex isikkithom
Iwissuh li lesti jinfurmaw b'kollox lill-ambaxxati, lill-kosolati, lill-Kummissjoni Ewropea u lil istituzzjonijiet oħra internazzjoni
minn Yendrick Cioffi
Il-President tal-Organizzazzjoni Repubblika qal li jinsab konvint li l-ittra li waslet għandhom mingħand il-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji, ma nbagħtitx b’kumbinazzjoni ftit jiem biss wara li reġgħu bdew jipprotestaw u wara li għamlu pressjoni biex tirriżenja Rosianne Cutajar.
Nhar is-Sibt li għadda, Repubblika ppubblikat ittra mibgħuta mill-Kummissjoni għall-Għaqdiet Volontarji li fiha l-organizzazzjoni ġiet akkużata li qed tikser il-liġi tal-NGOs u li qed timbotta ‘l quddiem “propaganda politika.”
“Fi kliem sempliċi, qed jhedduna li jekk nibqgħu nikkritikaw lill-Gvern se jkunu qed jagħmluhielna diffiċli biex inkomplu niffunzjonaw. Qed jhedduna li jekk nibqgħu nitkellmu l-verità, se jagħmlu minn kollox biex lil Repubblika ma jħalluhiex teżisti aktar,” insista Aquilina waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem Kastilja.
L-ittra kienet titfa’ wkoll dubji fuq il-finanzjament tal-organizazzjoni u l-attivitajiet tagħha, iżda Robert Aquilina insista li ma hemm xejn irregolari.
“Aħna moralment konvinti li wara dan kollu hemm l-id tal-Gvern ta’ Robert Abela li għall-pressjoni li qed iħoss u li qed tkissru, qed jirrispondi b’tattiċi ispirati mill-faxxiżmu,” saħaq Aquilina. “Huwa ċar għalina li l-Gvern ta’ Robert Abela daħal għall-missjoni li jsikket lil Repubblika. Din hija l-istess strateġija moqżieża li użaw biex isikktu lil Daphne Caruana Galizia, qabel ma ġiet assassinata.”
Aquilina saħaq li din l-ittra hija theddida li jekk ma jbaxxux rashom, se jispiċċaw “immorru l-ħabs qabel il-korrotti Keith Schembri u Konrad Mizzi, qabel dawk imsemmijjin mill-kriminali li ħallsu għad-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia, qabel min għamel u min ried jagħmel il-business ma’ Yorgen Fenech, u qabel il-bellacompania kollha li wikkiena biha l-korrott dinji tas-sena, Joseph Muscat … dak li kien jieħu l-pariri mingħand il-Prim Ministru attwali Robert Abela.”
Insista li huwa evidenti li Robert Abela ma jiflaħx għall-kritika u li għadu ma ndunax li ħa ġurament bħala Kap ta’ Gvern ta’ pajjiż demokratiku, pajjiż membru tal-Unjoni Ewropeja u mhux ta’ xi pajjiż totalitarju jew faxxista.
“Aħna nifhmu li Robert Abela jħossu stordut u mgħaffeġ bil-pressjoni. X’ma tistordix meta tħares fejn tħares madwarek ħlief skandli u ħmieġ ma tarax. X’ma tistordix meta nies li tkun xbajt tippoża għar-ritratti magħhom jibdew jissemmew mill-kriminali b’rabta mal-assassinju ta’ ġurnalista. X’ma tistordix meta kull filgħodu tiftaħ il-gazzetta u ssib li xi ħadd ieħor qrib tiegħek inqabad li hu parti mil-qarnita korrotta u qattiela li ħakmet lil dal-pajjiż,” insista Aquilina.
Saħaq li l-uniku fejqan għal Abela mhuwiex li jsikket lil Repubblika imma li toħroġ il-verità kollha u f’li ssir ġustizzja u ġustizzja sħiħa
“Jekk Robert Abela mhux kapaċi jwettaq din il-missjoni, l-uniku triq għalih hija li jsib job ieħor. Li tipprova teqred il-vuċijiet tas-soċjetà ċivili mhijiex fil-job description ta’ Prim Ministru imma hija l-job description tal-qarnita mafjuża,” kompla jisħaq.
Temm iwissi lill-Prim Ministru li jekk din “it-theddida mhux se tkun irtirata, se jinfurmaw b’kollox lill-ambaxxati u l-konsolati f’Malta, lill-Kummissjoni Ewropeja u lill-istituzzjonijiet internazzjonali oħra.
“Wara ma jiġix jgħidilna li qed issir ħsara lil pajjiżna. Il-ħsara qed jagħmilha hu għax qed jagħżel it-triq tal-oppressjoni u taċ-ċensura,” temm jisħaq.