Filmati | Fl-ewwel xaharejn tal-2021 l-industrija tal-films tħalli €300,000 kuljum fl-ekonomija

Fl-2020 iġġenerat €32 miljun fl-ekonomija u diġà ġġenerat €300,000 kuljum minn Jannar li għadda, filwaqt li ħolqot u ggarantiet 1,000 post tax-xogħol.  L-industrija tal-films qed tikber u l-gazzetta ILLUM tiltaqa' mal-persuna fit-tmun tal-Kummissjoni Maltija għall-Films:  Johann Grech

L-industrija tal-Films hija bil-wisq aktar importanti kif ukoll kruċjali fil-ħolqien tal-ġid u x-xogħol milli naħsbu.  Hija industrija li għamlet passi kbar 'l quddiem b'films kbar u famużi li nħaddmu Malta u oħrajn inqas famużi, b'baġits żgħar imma li kienu kardinali fil-missjoni ta' din l-industrija għall-kontinwità. 

Il-gazzetta ILLUM tiltaqa' ma' Johann Grech il-Kummissarju tal-Kummissjoni Maltija tal-Films, tliet snin wara li ħa din il-kariga. 

'Tiġdid'

Quddiem sett armat apposta, xhieda ta' tim mill-aktar professjonali f'waħda mill-binjiet fuq is-sit li tmexxi l-Kummissjoni fil-Kalkara, Grech jgħid illi mill-ewwel jum tal-ħidma tiegħu "bdejna fit-triq tat-tiġdid." 

"Tiġdid għax saħħaħna l-prodott.  Tiġdid fl-iskema tar-rebates għall-produzzjonijiet barranin biex tellajniha għal 40% u tiġdid fl-infrastruttura u l-outreach tagħna." 

Grech, b'element ta' kburija, jelenka n-numri tal-aħħar snin u jgħid illi kemm ilu Kummissarju ta' din l-industrija "inħadmu 50 produzzjoni li ħallew 'l fuq minn €100 miljun fl-ekonomija tal-pajjiż."

"U dan x'ifisser?  Ifisser impjiegi.  Ifisser li pajjiżna mar minn industrija li kienet staġjonali għal waħda li bdiet topera back-to-back.  Xi tfisser din?  Dan ifisser li l-crew, l-atturi u l-extras baqgħu jaħdmu minn produzzjoni għal oħra," spjega Grech. 

€18-il miljun fi tliet xhur u garanzija ta' 1,000 impjieg

Hawnhekk imur lura għall-2019 u jgħid illi din hija s-sena illi fiha saru l-aktar produzzjonijiet f'sena waħda;  22 produzzjoni.  Dan filwaqt illi minkejja li operat għal tmien xhur, minn 12, din l-industrija injettat €32 miljun fl-ekonomija fl-2020 - is-sena li matulha faqqgħet il-pandemija. 

"It-tiġdid ma tistax tilħqu u tgħid daqshekk ilħaqtu.  Imma irridu nkomplu nsaħħu l-kompettività tagħna ħalli nikkompetu mad-dinja kollha," jisħaq Grech. 

Il-Konferenza li matulha tħabbar li Das Boot se terġa tipproduċi s-serje minn pajjiżna
Il-Konferenza li matulha tħabbar li Das Boot se terġa tipproduċi s-serje minn pajjiżna

Huwa qal li anke fiż-żmien il-pandemija, minkejja d-diffikultajiet kollha li l-industrija ltaqgħet magħhom, grazzi għal protokolli maqbulin mas-Supretendent Charmaine Gauci x-xogħol seta' jibqa' għaddej.  

Imbagħad Johann Grech semma' din is-sena, minkejja li għadna relattivament fil-bidu tagħha.  "Minn Jannar sa issa din l-industrija ġġenerat €18-il miljun, li jfisser €300,000 kuljum.  Dan ifisser li ggarantixxejna 1,000 impjieg," saħaq Grech. 

'Grazzi għal crew b'ħiliet kbar'

Johann Grech fakkar li Malta dejjem attirat films tajbin u tal-ogħla kwalità u dan grazzi għall-crew ta' talent u professjonali.

Fl-2018 kienu reġistrati 300 persuna bħala crew u 60 kumpanija li qed joperaw f'din l-industrija.  "Illum," ikompli jispjega, "għandna 'l fuq minn 1,000 persuna bħala crew u iktar minn 350 kumpanija."

Grech ifakkar lil din il-gazzetta li dan ifisser illi l-industrija qed tikber u li l-prodott huwa b'saħħtu.  Huwa jgħid illi dan huwa preġju l-aktar ta' crew b'ħiliet liema bħalhom u jfakkar kif f'Malta inbnew setts kbar, bħal Ta' Gladiator, inbena ż-Żiemel ta' Trojja fil-film Troy u s-sottomarin fis-serje Das Boot. 

Ifakkar illi fl-aħħar snin - fost il-produzzjonijiet li saru f'Malta - kien hemm dik ta' Foundation għall-Apple TV li ħalliet aktar minn €10 miljuni fil-pajjiż, reġa' qed jinġibed - għat-tielet darba - Das Boot li se jħalli €7 miljuni fl-ekonomija u bħalissa wkoll għaddejja produzzjoni kbira Taljana, jispjega Grech mal-ILLUM. 

"U ġejjin aktar.  Għax il-prodott ta' Malta huwa b'saħħtu."

Sound Stages:  Il-priorità tal-Kummissjoni

Il-gazzetta ILLUM tfakkru illi minkejja kollox il-perċezzjoni għadha li din l-industrija hija waħda li timpjega lill-ħaddiema għal ftit żmien biss.  X'qed jagħmel Grech biex ibiddel impjieg f'din l-industrija, f'karriera? 

Il-Kummissarju jgħid illi l-inkwiet tiegħu jkun meta ma jiġux films f'Malta.  "Aħna konna ħabrieka u konna beżlin u ġibna l-films biex kif diġa' aċċennajt minn industrija staġjonali, immorru biex noħolqu industrija li toffri karrieri." 

Huwa qal illi bis-sound stages il-Kummissjoni se tkun qed tiggarantixxi xogħol lin-nies Maltin u Għawdxin li jaħdmu f'din l-industrija. 

"Il-masterplan li ħabbar il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo huwa proġett ta' €35 miljun biex Malta jkollha industrija tal-films li tħabbatha mad-dinja kollha, ibbażata fuq il-karrieri u hawnhekk ngħidha ċara:  Il-priorità hija sound stages, sound stages u sound stages."

Huwa qal li kif pajjiżna kien fuq quddiem bi proġetti bħat-tankijiet tal-ilma mibnijin fis-60ijiet u s-70ijiet, "wara 40 sena l-Gvern reġa' qed jinvesti, mhux biss fil-bini u fil-faċilitajiet imma wkoll fin-nies tagħna." 

Sound Stages ifissru li film ikun jista' jsir kollu kemm hu f'Malta bil-konsegwenza ovvja li jinħoloq aktar xogħol u jiġi ġġenerat aktar ġid minn din l-industrija. 

"Is-sound stages se jkomplu jkabbru l-potenzjal ta' Malta u diġà qed jgħidulna li la nibnuhom diversi produzzjonijiet se jirrilokaw lejn Malta ... hekk nikkonsolidaw.  Din hija l-missjoni tagħna.  Il-garanzija tax-xogħol lil dawk li jaħdmu f'dan is-settur," sostna Grech. 

Mistoqsi jekk hemmx miri ċari ta' meta jrid jispiċċa dan il-proġett huwa qal illi l-Kummissjoni hija kommessa li x-xogħol jibda din is-sena. 

"Minn fost il-kompetituri Ewropej tagħna, Malta għadha l-unika post li għad m'għandhiex sound stages," fakkar  Grech. 

'Nikkompetu mad-dinja'

U finalment ix-xhur li ġejjin - il-kumplament tal-2021 - se jkunu bħall-ewwel xhur? 

"Ottimist iva, imma saqajja mal-art," iwieġeb Grech. 

"Konvinti illi nistgħu nkomplu nattiraw ix-xogħol f'pajjiżna.  Kommessi, iva, illi li nilħqu l-għan u l-ambizzjoni li nagħmlu mill-industrija tal-films f'Malta waħda ta' livell internazzjonali, li tikkompeti mad-dinja!" 

More in Politika