L-Assoċjazzjoni tat-Tobba fil-Qasam tas-Saħħa Pubblika (MAPHM) esprimiet tħassib serju għan-numru ta' infezzjonijiet rreġistrati illum u n-numru ta' nies li ddaħħlu l-Isptar fl-aħħar jiem u ddeskriviet is-sitwazzjoni bħala waħda "allarmanti", kif fil-fatt għamlet ukoll l-Assoċjazzjoni tal-Anestetisti.
Illum kienu rreġistrati 510 każi ġodda ta' Covid-19, rekord assolut minn meta faqqa' l-ewwel każ ta' Covid-19 sena ilu.
Fl-aħħar 24 siegħa l-assoċjazzjoni qalet illi infetħet il-ħames ITU fl-Isptar Mater Dei u fakkru illi dan kien l-aħħar unit tal-ITU fil-pajjiż bla ebda spazju issa biex jiġu kkurati pazjenti li qed ibatu minn mard serju u li issa qed ikunu iżgħar fl-età. "Minkejja li għadu kmieni biex jiġu ġġudikati l-miżuri li tħabbru l-ġimgħa l-oħra u l-effettività tagħhom, in-numri tal-lum jitkellmu ċar u tond: Hemm bżonn naħdmu aktar. L-imxija laħqet livelli ġodda aktar għoljin ... għidna li wasal iż-żmien għal aktar miżuri u dak iż-żmien huwa issa."
Huma qalu illi bil-każi ġodda llum, Malta għandha l-ħames l-ogħla rata ta' infezzjonijiet fid-dinja.
Intant l-MUT irreġistrat tilwima industrijali wara li aktar kmieni llum tħabbar li 12% tan-nies li huma pożittivi, huma fil-fatt tfal.