F'stqarrija maħruġa mill-Assoċjazzjoni tal-Anestetisti, intwera' tħassib serju għan-numru ta' infezzjonijiet rreġistrati illum. 'Sfortunatament jidher biċ-ċar li qed nitilfu l-battalja issa, sena wara, meta suppost aħna iktar għaqlin u preparati', qalet l-Assoċjazzjoni. Dan kollu ukoll kien rifless fi stqarrija maħruġa mill-MAPHM.
L-assoċjazzjoni tkellmet ukoll fuq il-ħames sala tal-ITU fl-Isptar Mater Dei li allegatament diġà hi mimlija. Intant huma fakkru li baqa' biss post limitat li se jwassal biex pazjenti oħra li jiġu bżonn l-ITU minħabba sitwazzjonijiet lilhinn mill-pandemija ma jsibux post. Huma insistew ukoll li r-riżorsi se jkunu ferm aktar limiti.
Madankollu l-assoċjazzjoni stqarret li kien bis-saħħa ta' numru ta' tobba u anestetisti li Malta kellha xi tip ta' kontroll iżda issa qed jidher biċ-ċar li hemm għejja kbira, minkejja li s-servizzi madwar l-isptar kollu ma qatgħu qatt. Ġie mfakkar ukoll fl-istqarrija li dawn "il-problemi kienu qed iħossuhom pajjiżi ġirien tagħna, iżda lura f'Marzu tal-2020 meta id-dinja ma kinitx preparata biżżejjed."
Illum kienu rreġistrati 510 każi ġodda ta' Covid-19, rekord assolut minn meta faqqa' l-ewwel każ ta' Covid-19 sena ilu.