Filmat | Il-Kap tal-Oppożizzjoni jsejjaħ għal Emerġenza tas-Saħħa Pubblika minnufih
Jinsisti li dan huwa żmien li d-deċiżjonijiet joħduhom il-professjonisti u l-esperti u mhux il-politiċi
More in Politika
Jinsisti li dan huwa żmien li d-deċiżjonijiet joħduhom il-professjonisti u l-esperti u mhux il-politiċi
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech appella biex mill-aktar fis possibbli tissejjaħ Emerġenza tas-Saħħa Pubblika.
B'messaġġ wara li ġew ikkofermati 510 każi ġodda ta' Covid-19, numru kbir wisq għal pajjiż bħal Malta, il-Kap Nazzjonalista insista li f'mumenti bħal dawn, id-deċiżjonijiet għandhom jitħallew f'idejn il-professjonisti, l-esperti u l-awtoritajiet tas-saħħa u mhux f'idejn il-politiku.
Akkuża lill-Prim Ministru Robert Abela li ġab din is-sitwazzjoni b'idu, għax fi kliem Grech, "żera l-arroganza, ra sal-ponta ta' mnieħru u ħa deċiżjonijiet ħżiena."
Insista li għal dan kollu, qiegħed iħallas il-poplu kollu u n-negozji.
"Din hija responsabbilità diretta tal-Prim Ministru," saħaq Grech waqt li akkuża wkoll lill-Ministru u lil membri tal-Gvern, li fi kliemu, ma kinux kapaċi jiqfulu.
Qal li apparti l-biża' u l-inċertezza, is-sitwazzjoni preżenti waslet għal "kollass totali" fis-servizz tas-saħħa. Saħaq li dalgħodu kellmuh tfal ta' persuni morda bil-kanċer li l-qraba tagħhom mhux jingħataw il-kura għax is-sistema tas-saħħa mhux tlaħħaq.
"Hemm kollass sħiħ fit-Taqsimiet tal-Kura Intensiva," saħaq Grech waqt li insista li l-istess pressjoni qed tinħass ukoll fl-Emerġenza u swali oħra.
Kien hawn li sellem lill-ħaddiema kollha tas-saħħa, li fi kliemu, baqgħu reżiljenti u għadhom qed jagħmlu l-almu kollu tagħhom.
Qal li l-istess pressjoni qed tinħass fl-iskejjel u anke f'diversi negozji li jinsabu magħluqa minħabba l-għadd ta' persuni li jinsabu fi kwarantina.
"Il-kaptan tal-vapur li daħħalna fil-maltempata, ikkrolla taħt il-pressjoni u issa sparixxa," insista Grech, waqt li tenna l-appell tiegħu biex id-deċiżjonijiet jitħallew f'idejn il-professjonisti "biex inqas nies imutu, biex kulħadd jingħata l-kura u biex tabib ma jkollux jagħżel bejn il-ħajja tiegħek u ta' ħaddieħor."