Il-Prim Ministru Robert Abela llejla ħabbar - fid-dawl ta' każi rekord tal-Covid-19 fl-aħħar 24 siegħa - li minn għada sal-11 ta' April li ġej se jingħalqu l-ħwienet kollha li joffru servizzi mhux essenzjali, bħal tax-xagħar, tad-dwiefer, ħwejjeġ, żraben, ġojjellerija, aċċessorji, rigali u dawk tas-sbuħija. Ristoranti u faċilitajiet anċillari ma' lukandi se jagħlqu wkoll, l-ivvjaġġar lejn Għawdex se jkun limitat għal dak essenzjali biss u għal dawk li għandhom proprjetà f'din il-gżira, il-limitu għal gruppi ta' nies flimkien se jinżel minn sitta għal erba' persuni filwaqt li se jagħlqu wkoll il-gyms, pixxini, mużewijiet, ċinema u t-tiġijiet (reception) mhux se jitħallew isiru.
Intant minn nhar it-Tnejn li ġej ukoll se jkunu qed jgħalqu l-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi kollha. Minn nhar is-Sibt se jitwaqqfu wkoll l-operazzjonijiet kollha li mhumiex urġenti fl-Isptar Mater Dei filwaqt illi b'mod immedjat u wara qbil bejn il-Gvern u l-Kurja, se jieqfu l-quddisiet kollha, ħlief f'każi ta' funerali u żwiġijiet.
Dawn il-miżuri qed jitħabbru wara li l-ġimgħa l-oħra kienu mħabbrin miżuri oħrajn sal-11 ta' April: Prinċipalment l-għeluq tar-ristoranti, kiosks u snack bars - inkluż kafetteriji - ħlief għal- każi ta' take aways, kif ukoll it-twaqqif ta' viżti l-isptar u l-projbizzjoni ta' sports li jinvolvi kuntatt għal dawk taħt is-16-il sena.
Il-varjant qed jirrapreżenta 60% tal-każi ġodda kollha, xi ħaġa li wasslet għan-numri għoljin fl-aħħar ġimgħat kien spjegat bil-Prim Ministru jfakkar li r-rata ta' vaċċinazzjoni f'pajjiżna hija waħda tajba ħafna meta kkumparata ma' pajjiżi oħrajn.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika ħeġġet biex kulħadd iżomm mal-clusters tiegħżu, speċjalment f'każ ta' nies vulnerabbli, filwaqt li ħeġġet ukoll biex kulħadd isegwi l-prassi ta' ħasil tal-idejn, ilbies ta' maskra u li jinżammu d-distanzi soċjali.
Dan jiġi fid-dawl ta' numru rekord ta' każi fl-aħħar 24 siegħa, it-tħabbira li fetħet il-ħames ITU u l-fatt li 12% tan-nies pożittivi għall-virus huma tfal.