Infrastructure Malta tilqa’ t-talbiet tar-residenti għat-triq ġdida ta’ Ħad-Dingli

Wara diskussjonijiet ma’ dawk kollha interessati, Infrastructure Malta laqgħet it-talbiet tar-residenti għat-triq ġdida ta’ Ħad-Dingli

 

"Wara diskussjonijiet ma’ dawk kollha interessati, Infrastructure Malta laqgħet talbiet li għamlulha familji li joqogħdu fi Triq San Ġwann Bosco biex ittejjeb il-pjanijiet għat-triq ġdida sekdata li qed tibni bejn din it-triq, Triq id-Daħla tas-Sienja u Sqaq il-MUSEUM, f’Ħad-Dingli."

Dan intqal permezz ta' stqarrija maħruġa mill-Infrastructure Malta (IM) iktar kmieni illum. IM ikkonfermaw li se jkunu qegħdin jilqgħu seba’ talbiet li saru mir-residenti. 

Dawn jinkludu konferma li l-art biswit it-triq ġdida skedata mhix allokata għall-iżvilupp; konferma li mhux se jinqalgħu aktar siġar tal-ħarrub biex tinbena t-triq ġdida; il-limitazzjoni tal-wisa’ tat-triq ġdida għal tmien metri; l-aġġustament ta’ kantuniera ta’ din it-triq ġdida biex tiġi salvata siġra li hemm fil-viċin; il-bini ta’ ħitan tradizzjonali tas-sejjieħ flok ħitan bil-ġebla tal-franka fi Triq San Ġwann Bosco u fit-triq il-ġdida; kif ukoll it-tħawwil t’aktar siġar indiġeni mal-ġenb ta’ din it-triq ġdida. 

Rigward il-proposta mir-residenti ta’ Triq San Ġwann Bosco għal siġar ġodda mal-ġnub tat-triq ġdida, IM qalet li "se tkun diskussa mas-sidien tal-artijiet biswit biex ikunu jistgħu jiġu miżjuda mill-inqas 12-il siġra indiġena kbar oħra f’dawn l-inħawi."

L-Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Fredrick Azzopardi, fil-korrispondenza tiegħu mar-rappreżentanti tar-residenti, irrimarka li fl-aħħar xhur IM ltaqgħet ma’ rappreżentanti ta’ resident li jgħixu fit-toroq u l-inħawi kollha tat-triq ġdida skedata. Kellha wkoll diskussjonijiet mal-awtoritajiet kollha applikabbli u mal-Kunsill Lokali.

“Napprezzaw li għalkemm kienu jippreferu li t-triq li kienet skedata fl-2006 ma tinbeniex fl-inħawi fejn joqogħdu, il-familji ta’ Triq San Ġwann Bosco qed jifhmu li residenti ta’ toroq oħrajn, inkluż Triq id-Daħla tas-Sienja u Sqaq il-MUSEUM, ilhom żmien jitolbu lill-awtoritajiet biex jiffurmaw din il-konnessjoni ġdida, kif ikkonferma l-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli bid-deċiżjoni tiegħu aktar kmieni din il-ġimgħa. Filwaqt li aħna obbligati li nneħħu d-diffikultajiet għall-aċċess li r-residenti ta’ dawn iż-żewġ toroq ilhom is-snin iħabbtu wiċċhom magħhom, aħna determinati wkoll li niżguraw li l-bini ta’ din it-triq ġdida se tinbidel f’opportunità għal ambjent aħjar anke għar-residenti ta’ Triq San Ġwann Bosco,” qal Azzopardi.

IM fakkru ukoll li l-Erbgħa li għadda, ġew ppubblikati kopji tal-permessi u d-dokumenti kollha li jikkonfermaw li x-xogħlijiet li bdiet it-Tnejn għall-bini tat-triq qegħdin isiru skont ir-regolamenti applikabbli, u li l-ebda xogħol mhu jsir illegalment. Dawn id-dokumenti jinkludu dikjarazzjoni mill-Awtorità tal-Ippjanar li tikkonferma li m’hemmx bżonn permessi għall-żvilupp jew notifikazzjonijiet.

More in Politika