Chen Cheng, li llejla ġie żvelat li huwa wara l-kumpanija Macbridge, kien introduċa lill-kumpanija Cifidex mal-Enemalta u li mingħandha, l-Enemalta, kienet xtrat il-windfarm fil-Montenegro.
Macbridge bħal 17 Black kienet deskritta bħala 'target client' tal-kumpaniji fil-Panama ta' Konrad Mizzi u Keith Schembri.
Cifidex kienet biegħet l-ishma tal-windfarm bi prezz ta' €10.3 miljuni lill-Enemalta u li allegatament hi kienet xtrat ġimagħtejn qabel biss minn Fersa Renovables - Konsorzju Spanjol għal €2.9 miljun, jiġifieri kien hemm differenza ta' €7.4 miljuni.
Qabel Cifidex xtrat l-ishma kienet ħadet €3 miljuni mingħand 17 Black, jiġifieri l-flus ta' Cifidex biex tixtri l-Wind Farm kienu ġejjin minn Yorgen Fenech. Fil-fatt, 17 Black kienet għamlet profitt ta' €4.6 minn fuq dan ix-xiri, għax il-flus kienu reġgħu daħlu fiha.
Aqra: Rapporti jallegaw profitti ta' miljuni għal Yorgen Fenech mix-xiri ta' wind farm fil-Montenegro
Apparti minn hekk, illejla ġie żvelat ukoll kif b’mod parallel ma’ Macbridge kienet twaqqfet kumpanija oħra, bl-isem ta' Dow’s Media u li fiha daħlu €1 miljun minn 17 Black, xahar wara l-investiment tal-Enemalta fil-windfarm tall-Montenegro.
Id-Direttur ta' Dow’s Media hija Wang Rui, sieħba fin-negozju mal-kunjata ta' Chen Cheng, li qed tidher bħala s-sid tal-kumpanija Macbridge.
Meta kienet mistoqsija minn Reuters dwar din il-kumpanija, Wang qalet li kien Cheng stess li talabha tidher għall-kumpanija f'ismu.
"Talabni nwaqqaf din il-kumpanija u jiena ħsibt li ma kien hemm l-ebda problema f'dan," qalet Wang. "Qalli li din il-kumpanija se tkun qed tagħmel xogħol relatat mal-midja."
Din il-kumpanija twaqqfet f'Ottubru 2014, ġimgħat biss wara Macbridge. Iż-żewġ kumpaniji ġew xolti fl-istess ġimgħa f'Jannar tal-2019, xahrejn biss wara li sar magħruf li Yorgen Fenech kien is-sid tal-kumpanija 17 Black.
Aqra d-dettalji kollha hawn: