Moneyval: 'Dax-xogħol kollu li għamilna favur l-interess ta' Malta se nippreservawh'

Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana jilqa' l-aħbar tal-fatt li Malta għaddiet mill-Moneyval u jwiegħed ħidma kontinwa fis-settur tal-governanza

Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana qal illi l-Gvern ta' Robert Abela qed jagħti l-paġna l-ġdida li kien wiegħed "u llum qed naraw il-frott ta' dan. Ħdimna bis-sħiħ favur l-interess tal-pajjiż, favur l-istabbilità fil-qasam ekonomiku u finanzjarju. Lilhinn minn hekk qed niggarantixxu livelli ta' governanza simili għal dak ta' pajjiżi oħrajn tal-UE."

"Pajjiżna ħadem bis-sħiħ biex kiseb il-fiduċja tal-UE.  Dax-xogħol kollu li għamilna se nippreservawh.  Dak kollu li ksibna se nkompli nsaħħuħ fix-xhur u snin li ġejjin," qal il-Ministru Caruana. Hu kien qed jirreaġixxi għall-fatt li llum Malta għaddiet mir-rapport tal-Moneyval b'mod uffiċjali bi kliem ta' tifħir mill-Kunsill tal-Ewropa għall-ħidma tal-Gvern f'diversi oqsma l-aktar fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

Il-Ministru Caruana fakkar li t-test tal-Moneyval, permezz tiegħu istituzzjonijiet barranin talbu biex isiru tibdiliet biex b'hekk pajjiżna ikun konformi, bħal pajjiżi fl-UE u lilhinn.  "Ħadna l-isfida b'impenn, fl-aħħar 17-il xahar f'diversi livelli tal-Gvern kien hemm impenn straordinarju," sostna Caruana. 

"Illum ir-rapport qed jgħid li fl-oqsma kollha pajjiżna ssodisfa l-kriterji kollha meħtieġa.  Kull fejn intqalilna li rridu ntejbu, tejjibna biżżejjed biex għaddejna minn kull saff," spjega l-Ministru tal-Finanzi. 

More in Politika