Storja miktuba bid-demm: Il-kunflitt bejn il-Lhud u l-Palestinjani
F'artiklu maqsum fi tnejn il-gazzetta ILLUM se tagħti ħarsa lejn it-tensjoni, il-ġlied u d-demm li ċċarċar fi snin ta' gwerer, irvellijiet u taqlib politiku li ġabu magħhom snin fuq snin ta' kunflitt bejn il-Lhud u l-Palestinjani...
minn Albert Gauci Cunningham
Matul dawn l-aħħar ġimgħat erġajna smajna ħafna dwar dak li qed jiġri fil-kunflitt mdemmi, li ilu snin għaddej u li huwa ġerħa kbira (jekk mhux l-akbar) fil-Lvant Nofsani. Il-Kunflitt bejn l-Lhud u l-Palestinjani - kunflitt li mhux biss jixxokkja bl-atroċitajiet, l-attakki u l-vjolenza imma li huwa minsuġ b'demm ħafna nies, b'oppressjoni u b'interessi politiċi qawwija bejn l-Istati Uniti/Renju Unit u diversi pajjiżi Għarab.
Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa qasira lejn dan il-kunflitt dijaboliku, li ħalla tant nies mejta u eluf oħrajn jgħixu fil-biża' u titkellem ukoll ma' dawk li jafu s-sitwazzjoni politika f'dan ir-reġjun fuq ponot subgħajhom.
Minn fejn beda kollox...
Il-kunflitt Iżrael-Palestina jmur lura għal 1882, meta kienet stabbilita l-ewwel żona fejn jgħixu l-Lhud, Rishon Le Zion minn fejn allura ħarġet l-espressjoni Żijonista li tirreferi għal nies Lhud. Il-kelma Zion ġejja mill-isem tal-għolja Zion f'Ġerusalemm, magħrufa bħala l-Għolja tat-Tempju u llum l-għolja tal-Punent - bl-isem Har Tsiyyon bl-Ebrajk u Jebel Sahyoun bl-Għarbi.
Matul dawn is-snin minħabba l-antisemtiżmu li beda jiżdied fl-Ewropa l-idea tar-ritorn lejn Zion, lejn il-Palestina bdiet issir aktar attraenti għal eluf ta' Lhud madwar il-kontinent.
Fl-1897 kien organizzat l-ewwel kungress Zionista, tal-Moviment Zionista fl-Iżvizzera, bil-Mexxej ikun Chaim Weizmann, bl-għajta ta' Stat Iżraeljan fil-Palestina. Kien minn hawn li bdew jiċċaqalqu l-affarijiet bl-Imperu Brittaniku jibda mill-ewwel juri predispożizzjoni favorevoli għal din l-għajta. Fil-fatt Herbert Samuel, Ministru fil-Kabinett Ingliż, fl-1915 kien kiteb memorandum lill-istess Kabinett bl-isem: The Future of Palestine, illi fih hu qed appoġġ għat-twaqqif ta' żona residenzjali (settlement) Lhudija fil-Palestina.
Jiġifieri kollox jorbot ma' din ix-xewqa jew ħolma ta' ħafna Lhud, li jmorru lura f'arthom - l-art "imwiegħda" ta' David - imma li fiha kien hemm il-Palestinjani, il-maġġoranza tagħhom Musulmani.
L-istorja ta' vjolenza
Fl-1929 seħħet l-ewwel dimostrazzjoni u protesta tal-massa mill-Palestinjani kontra preżenza dejjem tikber ta' Lhud. Il-protesti saru f'Al Buraq u seħħew wara li grupp ta' Lhud bdew jitolbu mal-ħajt ta' dak li huma jgħidu li kien it-Tempju maestuż ta' Erodi ta' Agrippa meqrud mir-Rumani u li tant nisimgħu dwaru fil-Bibbja meta Ġesu kien mar Ġerusalemm u qal il-famużi kliem "Inwaqqa' dan it-tempju u nibnih fi tlett ijiem." Il-Musulmani jemmnu li dak il-ħajt huwa parti mill-Moskea Al Aqsa.
Mijiet ta' Lhud u Palestinjani inqatlu waqt dawn l-irvellijiet.
L-irvellijiet kibru wara li l-forzi Brittaniċi qatlu lil Izz Ad-Din Al-Qassam, mexxej rivoluzzjonarju Palestinajn, bit-tensjonijiet jikbru għall-irvelli kbar fl-1936 meta bdew attakki fuq il-Lhud u t-truppi Brittaniċi fil-pajjiż. Dan flimkien ma' strajk u diżubbidjenza ċivili kontra l-Ingliżi, li kienu jmexxu l-Palestina, sabiex l-immigrazzjoni Lhudija tiġi kkontrollata. It-tieni parti ta' dan l-irvell kien ir-risposta lejn ir-ripressjoni tal-Brittaniċi b'attakki diretti lejn il-forzi tal-kolonjalisti.
Bħal f'kollox hawn ukoll hemm nuqqas assolut ta' qbil dwar in-numri ta' dawk li nqatlu bil-forzi Brittaniċi jgħidu li mietu mal-2,000 Palestinjan u studjużi Palestinjani jgħidu li nqatlu ħafna eluf aktar minn hekk.
Fl-1946 kien hemm l-attakk tal-Grupp Terrorista Zionista Irgun fuq il-King David Hotel li qatlet 91 persuna u li l-istess grupp jgħid li kien attakk fuq l-Ingliżi wara Operation Agatha - li fiha suldati Ingliżi arrestaw eluf ta' Lhud biex l-Imperu Ingliż iwaqqaf dak li l-kolonjalisti bdew jaraw bħala stat ta' anarkija fil-Palestina.
Imbagħad kien hemm dak li l-Palestinjani u bosta storiċi jaraw bħala każ ta' tindif etniku fil-villaġġ ta' Qisarya ħdejn Haifa, mal-Baħar Mediterran. Attakk mil-Lhud li qered u neħħa kull ma kien hemm f'dan ir-raħal u minfloku inbnew djar għal-Lhud.
Jitwaqqaf L-istat Iżraeljan - ċelebrazzjoni u għadab
Nhar id-29 ta' Novembru 1947 huwa jum importanti f'din l-istorja drammatika għax huwa l-jum li kien rikonoxxut Stat Iżraeljan wara riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda - liema riżoluzzjoni qasmet l-art fi tnejn, parti Lhudija u parti Għarbija.
Wara li kienu ilhom mill-1917 jiggvernaw din l-art ir-Renju Unit ittermina dan il-mandat.
Dan intlaqa' b'ferħ kbir u ċelebrazzjonijiet kbar fit-toroq mil-Lhud u minn għadab kbir mill-Għarab li ħalfu illi ma jirrikonoxxu qatt dan l-istat - xi ħaġa li ħafna pajjiżi Għarab għadhom sal-lum ma jirrifjutaw li jagħmlu.
Minn hemmhekk faqqgħet gwerra li rat 1% tal-popolazzjoni tinqatel, gwerra magħrufa bħala tal-indipendenza.
33 pajjiż ivvutaw favur ir-riżoluzzjoni tal-Ġnus Magħquda u 13 ivvutaw kontra. Fost dawk kontra kien hemm l-Eġittu, l-Afganistan, il-Pakistan, is-Sawdi Għarabja, it-Turkija, l-Iran, l-Iraq, l-Yemen u l-Kuba.
Eluf kbar ta' Iżraeljani kienu mkeċċija minn pajjiżi Għarab, fosthom l-Eġittu.
Il-ġlied u l-vjolenza kompliet b'massakri f'Qalqilya u Khan Younis, fost oħrajn.
Fl-istess sena li fiha Malta ħadet l-Indipendenza, fl-1964, kien iffurmat il-PLO, L-Organizzazzjoni tal-Liberazzjoni Palestinjana. Tliet snin wara l-Lhud komplew jifirxu l-okkupazzjoni tagħhom billi okkupaw kważi dak kollu li kellhom taħt idejhom l-Għarab - inkluż in-naħa ta' Ġerusalemm tal-Lvant - fejn hemm il-Moskea ikonika u importanti f'din il-belt, ħafna mill-Istrixxa ta' Gaza u x-Xatt tal-Punent, il-Golan Heights fis-Sirja u l-Peninsula Sinai. B'hekk il-Lhud kienu rebħu 78% tal-art Palestinjana u aktar, filwaqt li keċċew mat-300,000 Palestinjan minn djarhom.
Din il-gwerra hija magħrufa mil-Lhud bħala n-Naksa, li tfisser telfa kbira.
Fl-istess sena l-Ġnus Magħquda għaddiet riżoluzzjoni biex l-Iżrael jirtira lit-truppi tiegħu minn art tal-Palestinjani, hekk kif kien sar qbil ftit snin biss qabel u reġgħet għaddiet riżoluzzjoni oħra fl-1976 hekk kif l-Iżrael baqa' ma ċċaqlaqx mill-pożizzjoni tiegħu.
L-intifada
Attakk f'Gaza minn irvellijiet palestinjani fl-1987 bdew wara li trakk Iżraeljan baqa' dieħel f'vettura li fuqha kien hemm diversi Palestinjani - wara li l-Palestinjani qatlu Lhudi ftit ġranet qabel f'Gaza.
Fid-9 ta' Diċembru bdiet l-ewwel intifada hekk kif sa dak iż-żmien kien hemm mal-2,200 Lhudi li kienu jokkupaw 40% tal-istrixxa ta' Gaza.
Fl-ewwel intifada mietu eluf ta' nies, għalkemm ħafna statistika turi illi nqatlu eluf ta' Palestinjani imma mijiet ta' Lhud.
It-tieni intifada damet ħames snin, u bdiet fil-bidu tas-sena 2000. Dawn l-irvellijiet u dan l-inkwiet ħalla mal-4,300 mejta u seħħ wara li attakk terroristiku ħalla mat-30 Lhudi mejjet u wara żjara tal-eks PM Iżraeljan Ariel Sharon fil-Punent ta' Ġerusalemm, fuq l-Għolja ta' Zion. Din l-Intifada wasslet biex il-Lhud reġgħu okkupaw bliet fix-Xatt tal-Punent. L-Iżrael kien ukoll bena ħajt li jifred lix-Xatt tal-Punent għalih.
Din it-tieni intifada spiċċat f'Summit ieħor f'Sharm El Sheikh l-Eġittu, bi qbil bejn il-Mexxej Mahmoud Abbas u l-PM Iżraeljan Ariel Sharon.
Bejn l-ewwel Intifada u t-tieni waħda jidħol fix-xena politiku palestinjan li fil-fatt kien ġie Malta fl-aħħar tad-90ijiet: Yasser Arafat, mexxej tal-PLO. Huwa ssorprenda meta rrikonoxxa d-dritt tal-Iżrael li jeżisti bħala stat. Fl-1993 negozjati fin-Norveġja (Oslo) waslu għall-iffirmar storiku li kien ifisser illi l-Iżrael jirtira t-truppi tiegħu mill-Istrixxa ta' Gaza u minn Ġeriko fix-xatt tal-Punent, kif ukoll li jitwaqqaf Gvern Palestinjan. Arafat kien daħal Ġeriko għal ġubilazzjoni u ċ-ċelebrazzjoni tal-Palestinjani.
Dan il-ftehim kien intlaħaq bejn Arafat u l-PM Iżraeljan Yitzhak Rabin, li fl-1995 kien inqatel minn estremist Lhudi waqt attività favur il-paċi f'Tel Aviv. Dan l-assassinju wassal biex il-proċess tal-paċi jieqaf taħt kull wieħed mis-suċessuri tiegħu, inkluż il-PM preżenti Benjamin Netanyahu.
Yasser Arafat miet fl-2004.
Il-Gwerra mal-Hezbollah, 'Operation Protective Edge' u l-massarku fi Munich
Fl-2006 faqqgħet il-gwerra bejn l-Iżrael u l-Hezbollah. Dan tal-aħħar huwa partit Iżlamista, militanti fil-Libanu li kien ilu jattakka lill-Iżrael u jwettaq rejds kif ukoll jibgħat missili lejn dan l-għadu tiegħu.
Fl-2006 membri tal-Hezbollah kienu daħlu l-Iżrael qatlu suldati Lhud u weġġgħu oħrajn kif ukoll ħatfu numru ta' suldati li użaw f'theddida biex l-Iżrael jeħles priġunieri mil-Libanu. L-Iżrael ma aċċettax u beda kampanja qalila kontra l-Hezbollah.
Din il-gwerra damet ftit iktar minn xahar u intemmet bi qbil ieħor li fisser ukoll illi l-Iżrael u l-Hezbollah għaddew priġunieri li kienu qed iżommu lil xulxin.
Dan il-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina baqa' għaddej b'diversi attakki terroristiċi u atroċitajiet.
Wieħed mill-aktar magħruf - li saħansitra sar film dwaru maħdum prinċipalment f'Malta (l-aktar Tas-Sliema u Buġibba) kien dak illi seħħ fi Munich fl-1972.
Dakinhar tmien membri tal-Grupp terrorista Palestinjan Black September kienu żammu disa' membri tat-Tim Olimpiku Iżraeljan - parteċipi fl-Olimpjadi tas-Sajf - ostaġġi, u qatlu tnejn minnhom. L-awtoritajiet Ġermaniżi arrestaw it-tliet terroristi Adnan Al-Gashey, Jamal Al-Gashey u Mohammed Safady.
Huma iżda ma damux wisq il-ħabs hekk kif inħelsu wara hijack ta' ajruplan li minn Damasku kien sejjer Frankfurt, bil-hijacker Għarbi jordna l-ħelsien tagħhom.
Il-Mossad Iżraeljana rnexxielha toqtol tnejn minn dawn it-tliet terrorsitiċi li wieħed minnhom meta mistoqsi minn ġurnalisti fil-Libja għaliex spara fuq nies li ma kinux armati wieġeb: "Huma ma kinux armati. Imma aħna nafu li l-Iżrael huwa l-għadu tagħna ... mela rridu noqtluh!"
Fast-Forward għall-2014 u allura Operation Protective Edge.
Il-Hamas, li għadhom imexxu lill-Palestinjani sal-lum, jirrifjutaw li jirrikonoxxu lill-Iżrael u huma partit Iżlamista, f'parti minn din il-gwerra li ma tieqaf qatt kienu ħatfu numru ta' żgħagħagħ Iżraeljani. L-Iżrael wieġeb b'air raids.
Il-Palestinjani qalu illi l-ħtif ta' dawn it-tliet żgħażagħ kien mod kif iqajmu kuxjenza dwar l-iżolament li qed jimponi l-Iżrael fuq l-istrixxa ta' Gaza li kienet u għadha qed twassal għall-faqar kbir u nuqqas ta' prattikament kollox, inkluż bżonnijiet bażiċi.
Il-Ġnus Magħquda kienu qalu f'rapport fl-aħħar tal-2019 (qabel il-pandemija) li wieħed minn kull tliet Palestinjani huma bla xogħol filwaqt li 53% ta' dawk f'Gaza huma fqar, minkejja għajnuna mill-Gvern u organizzazzjonijiet Internazzjonali. U dan minħabba l-imblokk tal-Iżrael li qed iwaqqaf milli jidħlu ħafna prodotti, anke essenzjali, li prattikament jagħmel minn Gaza art kompletament iżolata.
Il-Ġnus Magħquda kienu qalu hekk: "Gaza qed issir dejjem aktar post fejn ma tistax tgħix, taħt kundizzjonijiet soċjo-ekonomiċi severi u li qed jiggravaw."
Eluf kbar ta' nies mietu waqt Operation Protective Edge tal-2014 - u għalkemm mill-ġdid ma hemmx qbil fuq numri l-Ġnus Magħquda jgħidu illi 7,000 dar kienu assolutament meqrudin, filwaqt li mietu madwar 4,000 persuni fuq iż-żewġ naħat.
Konklużjoni: Il-verità hi li wara l-2014, għall-aħħar seba' snin iż-żona baqgħet waħda politikament splussiva, tossika u sensittiva - bi ġlied u kontroversji ma jiqfux. Mhux l-inqas meta l-Gvern Amerikan ta' Donald Trump irrikonoxxa Ġerusalemm bħala l-kapitali tal-Iżrael fl-2017. U issa, mill-ġdid l-attakki li wasluna għal dan il-mument u dan l-artiklu.
Anke jekk intlaħaq qbil, min jaf dan il-qbil kemm se jdum fis-seħħ sakemm tkompli storja ta' snin twal miktuba bid-demm!
(It-tieni parti tkompli l-Ħadd li ġej meta nitkellmu mal-esperti)