Ġie inawgurat investiment ta’ €300,000 ta’ tisbiħ fuq ix-xatt tax-Xemxija. Dawn ix-xogħlijiet li bdew u tlestew f’temp ta’ tliet xhur, involvew rinnovar tar-railing tax-xatt, titjib sostanzjali fil-pavimentar, aktar żoni ambjentali kf ukoll bankijiet u dwal ġodda.
Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg.
F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-Ministru Bartolo ddeskriva dan il-proġett bħala l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu li b’mod simboliku qiegħed iwassal biex minn sempliċiment manutenzjoni il-Gvern imur għal riġenerazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam ma’ infrastruttura turistika.
“Ma jagħmel l-ebda sens li ninkoraġġixxu lill-privat biex jinvesti mingħajr ma nagħmlu l-parti tagħna bħala gvern. Din għandha tkun il-mentalità ġdida li rridu nembarkaw fuqha fiż-żmien li ġej. Il-kwalità u d-dettall li rridu nkomplu nidħlu fih jibqa’ kruċjali biex inkomplu ntejbu l-prodott turistiku li noffru bħala pajjiż,” qal il-Ministru Clayton Bartolo.