Jekk Transport Malta tibqa' tinsisti li tmexxi bil-proġett tal-Marina hekk kif propost, is-Sindku ta' Wied il-Għajn Mario Calleja qal ma' din il-gazzetta li hu lest illi jipproponi referendum li għalih jivvutaw madwar 30,000 persuna u li jinkludu r-residenti ta' Wied il-Għajn imma wkoll dawk li jqattgħu is-sajf f'din il-lokalità bħala vileġġjatura, dawk li għandhom irmiġġi u anke persuni li għandhom negozji.
Filwaqt li fakkar illi l-Kunsill Lokali huwa kontra dan l-iżvilupp "massiċċ" inkluż hu - u dan kien ċar f'vot ta' tmienja kontra u astensjoni - f'laqgħa li saret kmieni din il-ġimgħa, qal ukoll illi filwaqt li irċieva ħafna messaġġi kontra dan il-proġett propost, irċieva wkoll messaġġi favur. Huwa saħaq mal-ILLUM li dawk li ċemplulu l-aktar favur huma nies b'negozji fil-lokalità.
"Aħna xogħolna kontra dan il-proġett issa għamilnieh u esprimejna ruħna kontra - issa jekk TM tibqa' tinsisti fuq il-proġett jiena nipproponi li jsir referendum. Wara kollox min aħna biex niddeċiedu għal madwar 30,000 persuna?"
Huwa qal li l-proposta ta' referendum, jekk niġu għaliha ma jkunx mod kif jaħrab mir-responsabilità għax ifakkar li l-pożizzjoni tiegħu diġà għamilha pubblika. "Imma biex inkunu trasparenti wkoll ma' dak li jixtieq il-poplu ta' Wied il-Għajn."
Din l-istqarrija mal-ILLUM tiġi hekk kif kompliet il-pressjoni kontra dan il-proġett li jkun ifisser illi ħafna żoni ta' għawm jintilfu għal din il-marina, filwaqt li jsir tħaffir li jagħmel ħsara.
Ilbieraħ għexieren ta' nies niżlu jipprotestaw Wied il-Għajn kontra dan l-iżvilupp b'residenti jgħidu li r-rekwiżiti tat-tender juru biċ-ċar li l-bini tal-yacht marina ser jifga' ż-żona bir-reklamazzjoni tal-art, tibdil fir-rotot tat-triq u l-bini ta' uffiċini, toilets, showers u żoni ta’ parkeġġ.
"Il-benefiċċji ekonomiċi antiċipati m’humiex l-opportunità tad-deheb li jriduna nemmnu li huma - huma benefiċċji ekonomiċi inċerti u jiddependu minn bosta fatturi esterni. Skont studji li saru, 80 % min-nefqa tal-proprjetarji ta’ yacht tmur fis-servizzi tal-port u spiżi tal-fjuwil. Jekk iċ-ċiklu ekonomiku ta’ marina jisfa' fix-xejn b’riżultat ta’ kriżi finanzjarja jew defiċjenza fis-servizz, il-post ma jerġax lura għal li kien għax l-infrastruttura irriversibbli," sostnew.
Ir-residenti fi stqarrija lbieraħ fakkru li l-yacht marina ser tillimita l-użu li jistgħu jagħmlu r-residenti mir-riżorsi tal-baħar f’setturi oħra. "Se tillimita l-għum, is-sajd u attivitajiet li jsiru f’baħar miftuħ bħall-għadds u l-kenura. Il-marina ser tibdel l-ambjent naturali ta’ Wied il-Għajn b’mod radikali u għalhekk ma tistax titqies bħala proġett sostenibbli."
Finalment fakkru li r-reklamazzjoni tal-art, skont il-proposta ta’ Trasport Malta, se teqred 16,000 metru kwadru ta' baħar - l-ekwivalenti ta’ żewġ grounds u nofs tal-football. Ir-reklamazzjoni tal-art hija pjanat f’tliet partijiet tal-bajja - bejn Triq ix-Xatt u Triq is-Salini, wara l-breakwater, u maġenb Triq iż-Żonqor.