'Il-kumpanija kienet inattiva'; Dalli jwieġeb dwar il-kumpanija sigrieta fil-BVI

Skont ir-rapporti Dalli fetaħ il-kumpanija Westmead Overseas Ltd fl-2006 u qatt ma ddikjaraha fi żmien li kien fil-Parlament Malti

L-eks Ministru Nazzjonalista u l-eks Kummissarju Ewropew John Dalli kellu kumpanija sigrieta fil-British Virgin Islands u li qatt ma ddikjara fi żmien li kien fil-Parlament.

Skont ir-rapporti fuq The Times of Malta, Dalli fetaħ il-kumpanija Westmead Overseas Ltd fl-2006. Iż-żewġt ibniet tiegħu ħadu f’idhom din il-kumpanija, bħala diretturi, fl-2008, meta hu nħatar Ministru għall-Politika Soċjali.

Fi żmien li fetaħ din il-kumpanija, Dalli kien Membru Parlamentari u kien intalab jirriżena minn Ministru fl-2004 wara allegazzjonijiet, li wara kienu ppruvati bħala foloz, li kien ixaħħam minn fuq tender tal-isptar. 

Din l-informazzjoni ħarġet minn dawk li qed jissejħu bħala Pandora Papers, investigazzjoni simili għal dik tal-Panama Papers li dwarha smajna ħafna.

Skont Dalli, qatt ma ddikjara din il-kumpanija għax kienet “inattiva.” Skont ir-rapporti, il-kumpanija ngħalqet fl-2013.

Qal li hu fetaħ din il-kumpanija minħabba “proġett li qatt ma mmaterjalizza.” Insista li l-kumpanija qatt ma ntużat. 

Fil-ġimgħat li ġejjin, Dalli mistenni jitressaq akkużat b’tixħim wara li l-istess allegazzjonijiet wasluh biex jirriżenja mill-Kummissjoni Ewropea fl-2012.

Dalli rriżenja minn din il-kariga f'Settembru 2012 wara li kien iffaċċjat b'akkużi mill-President tal-Kummissjoni Josè Barroso illi kien f'kuntatt ma' Silvio Zammit, sid ta' negozju f'Tas-Sliema, meta dan kien allegatament qed jitlob għal flus mill-kumpanija tat-Tabakk Żvediża, sabiex titneħħa projbizzjoni minn fuq prodotti tat-tabakk.  

Kienet l-OLAF illi mexxiet l-investigazzjoni fil-konfront ta' Dalli. 

Ta' min isemmi wkoll li fl-2017, iż-żewġt ibniet ta' Dalli, Claire Gauci Borda u Louisa Dalli tressqu l-Qorti akkużati b'ħasil ta' flus b'rabta ma' skema li allegatament kienet qed tiffroda pensjonanti Amerikani. Dan il-każ għadu pendenti.

More in Politika