Diversi attivisti u anke immigranti ngħaqdu fil-Belt Valletta biex jipprotestaw kontra deċiżjonijiet u policies li, fi kliemhom, ineżżgħu lill-immigranti u anke lil uliedhom, minn drittijiet bażiċi.
Ħafna minn dawk preżenti kellhom f’idhom ritratt ta’ Jaiteh Lamin, l-immigrant li spiċċa mormi minn kuntrattur fuq il-bankina wara li dan weġġa’ fuq il-post tax-xogħol.
Preżenti għall-protesta kien hemm il-Moviment Graffitti li appellaw lill-Gvern biex ikollu sistema li toħloq stabbilità u mhux inċertezza fil-ħajja ta’ dawn in-nies.
“Sistema li ma tinċentivax l-isfruttament imma li tirrikonoxxi d-dinjità ta’ kulħadd,” saħqet l-NGO.
Il-protesta laħqet il-qofol tagħha quddiem il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali bid-dimostranti, fost affarijiet oħra, iħeġġu lill-awtoritajiet Maltin biex jippubblikaw kemm daħlu taxxi mingħand l-immigranti u anke jisħqu li t-tfal tagħhom mhux jingħataw id-dokumenti neċessarji biex jivjaġġaw barra minn Malta.
Video Player is loading.
Current Time 0:00
/
Duration 0:00
Loaded: 0%
Stream Type LIVE
Remaining Time -0:00
1x
Chapters
descriptions off, selected
captions and subtitles off, selected
This is a modal window.
The media could not be loaded, either because the server or network failed or because the format is not supported.
Beginning of dialog window. Escape will cancel and close the window.
End of dialog window.
Advertisement
"Uliedna jistaqsuna: għaliex ninsabu l-ħabs? Għaliex ma nistgħux nitilqu minn Malta? Sħabna jmorru btala u meta jiġu lura jirrakkontawlna kollox," qal wieħed mill-kelliema Joy Edokpolor.
Kelliem ieħor, Mohammed Ali Aguerb qal li filwaqt li Malta tinsab quddiem nett fid-drittijiet għall-persuni LGBTIQ, immigranti queer qed jitpoġġew f'detenzjoni illegali u anke f'ċentri li mhumiex siguri.
"Żwieġ bejn persuni tal-istess sess huwa legali imma mbagħad persuni li qed jitolbu l-ażil ma jistgħux jiżżewġu," insista.
Id-dimostranti kienu kritiċi ħafna ta' Identity Malta, b'ħafna jisħqu li l-istaff mhuwiex professjonali fil-mod kif jitkellmu u jirreaġixxu mal-immigranti.
Dwar il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema immigranti, Ibrahim Jabbie qal li l-Gvern qed jagħmel l-almu tiegħu, iżda insista li fadal ħafna xi jsir.
"Tgħidulna mmorru aħdmu. Aħna mmorru imma mbagħad nibqgħu bla drittijiet," insista. "Ma hemm l-ebda boss mingħajr ħaddiema imma meta l-ħaddiem ikollu bżonn l-għajnuna, imbagħad ħadd ma jkun irid ikun il-boss."
Irrakkonta kif ħabib tiegħu ħadem għal xahar sħiħ, iżda rċieva paga għal erbatax-il ġurnata biss.