Analiżi | Sena wara: Għamel differenza Bernard Grech għall-PN?

M'ilhomx ħafna dawk ix-xeni ta' għajjat, tgħajjir u ġlied quddiem id-Dar Ċentrali. Lanqas ma ilha r-rebħa kbira li għamel Bernard Grech, li ħalliet minoranza voċifera fil-PN diżilluża. Il-gazzetta ILLUM tanalizza l-ewwel sena ta' Grech bħala Kap tal-PN...

Bħal dawn il-jiem sena ilu, il-Partit Nazzjonalista kien ħiereġ minn taqbida taħraq li ħallietu xi ftit jew wisq mifrud u maqsum, bejn dawk il-maġġoranza tal-membri - u allura dawk li xtaqu l-bidla - u minoranza voċifera ta' tesserati li ħassew illi Adrian Delia kellu jibqa' jmexxi lill-PN, hekk kif kien ingħatalu l-mandat mill-istess membri tliet snin qabel. 

F'din l-analiżi l-gazzetta ILLUM se tagħti ħarsa lura lejn sena ilu - iddominata minn xeni ta' għajjat, battibekki u tgħajjir - saħansitra lejn Deputati Nazzjonalisti minn attivisti tal-PN stess, meta l-partit deher qed jilgħab max-xifer: Jew isalva, jew jegħreq. U naraw għalhekk fejn il-PN jinsab illum. 

Pożittiv għal Bernard: Bena element (jew perċezzjoni) ta' għaqda!

Oġġettivament żgur illi wieħed ikollu jammetti li minn barra, il-Partit Nazzjonalista llum jidher ħafna u ħafna iktar kumpatt u magħqud, anke jekk xi minn daqqiet iseħħu ċerta affarijiet li juru illi l-għaqda fil-forma assoluta tagħha għadha mhux hemm (jekk teżisti!), u skumdità għad hemm ukoll bejn Bernard Grech u dawk li jappoġġjaw lil Adrian Delia. 

Minkejja dan u għal krettu ta' Grech - il-PN illum mhu imkien viċin it-taqlib u l-gwerra miftuħa fuq il-midja soċjali li kien fiha bħal-lum sena. Kien jinħass li dak li kien għaddej minnha l-PN ma kinitx biss diżgwid intern imma qasma ċara ta' ħsieb, ta' twemmin u probabbilment u sa ċerta punt - jekk tistudja is-sitwazzjoni sew - anke ta' klassi. 

Fuq naħa dawk li kienu u għadhom jifmuha aktar bħal Repubblika, li xtaqu militanza li ma taħfiriex lill-Gvern Laburista, għal ħafna raġunijiet, l-aktar għax inqatlet Daphne Caruana Galizia u li kienet tara lil Delia bħala fotokopja tal-Labour għal bosta raġunijiet. Mhux l-inqas il-komportament tiegħu, il-fatt li kien ikkritikat minn Daphne Caruana Galizia u anke dawk li kienu jkunu madwaru. Il-fatt li ħadha qatta' bla ħabel kontra Caruana Galizia iktar u iktar ħolqot animożità lejh. U l-parti l-oħra tal-partit li hija ħafna iktar voċifera u li kienet tara f'Delia il-persuna li qed iressaq lill-PN lejn in-nies, filwaqt li jaraw lil Repubblika, Manuel Delia u anke lil Daphne Caruana Galizia f'dawl ikrah għax huma "l-establishment", kif wara kollox kien isejħilhom Delia stess. 

Bernard Grech jivvota fl-elezzjoni għall-Kap tal-PN
Bernard Grech jivvota fl-elezzjoni għall-Kap tal-PN

Jiġifieri l-qasma kienet profonda mhux superfluwa. 

Illum il-PN, wara sena ta' tmexxija ta' Bernard Grech, reġa' rebaħ ċertu sens ta' għaqda, jew għallinqas bena l-perċezzjoni li huwa ħafna aktar magħqud milli kien bħal dan iż-żmien sena. Il-ġlied u t-tgħajjir fuq il-midja soċjali naqas b'mod drastiku filwaqt li dik illi dehret bħala theddida kontinwa għat-tmexxija, b'laqgħat sigrieti u attentati ta' "kolp" fuq l-istess tmexxija naqsu b'mod qawwi ħafna. 

Naturalment dan is-sens ta' għaqda, veru jew perċeput - li ma ninsewx kienet il-wegħda ewlenija tal-istess Grech - jista' jkun frott diversi fatturi. 

L-ewwelnett il-fattur ta' Grech innifsu. Jista' jkun li Grech ġab l-għaqda li wiegħed għax in-nazzjonalisti ġenwinament iħossu li dan huwa l-bniedem li kapaċi jagħmel differenza u li kapaċi joħroġ lill-PN mill-isqaq elettorali li jinsab fih.

Iżda jista' jkun ukoll li wara l-għejja ta' tliet snin ta' ġlied intern u tgħajjir, ħafna sempliċiment għejjew u qed jaċċettaw is-sitwazzjoni kif inhi għax jafu li f'dan l-istadju, iktar mistoqsijiet u dubji jistgħu biss iwasslu biex il-partit jieħu aktar daqqiet lura. Allura dawn qishom aċċettaw l-għaqda bħala Hobsons Choice, l-unika għażla reali li għandhom. 

Negattiv għal Bernard: Is-sondaġġi għadhom juru differenza kbira

Mhux daqstant pożittiv għal Bernard Grech huma s-sondaġġi - li kollha (Maltatoday, Times u Marmarà/Torċa) qed juru differenza kbira bejn iż-żewġ partiti ta' aktar minn 10% - li jfisser distakk ta' madwar 30,000 vot jew aktar. Agħar minn hekk iżda, is-sondaġġi jaqblu f'punt wieħed - jiġifieri li l-potenzjal tal-Labour biex ikabbar in-numru ta' votanti tiegħu huwa akbar minn dak tal-PN. Kif? 

F'dak li jirrigwarda fiduċja, id-differenza bejn dawk li jafdaw lil Robert Abela u dawk li jafdaw lil Bernard Grech hija akbar mid-distakk bejn il-partiti. Dan ifisser li hemm diversi persuni li pparteċipaw f'dawn is-sondaġġi li jafdaw lil Abela, pero' ma wieġbux li jivvotaw PL kieku issir elezzjoni, anke jekk il-fatt li jafdaw lil Abela aktar milli lil Grech probabbilment ifisser li fl-aħħar mill-aħħar jivvutaw Labour. 

F'Settembru, per eżempju, skont is-sondaġġ li kien ippubblikat fuq il-gazzetta Maltatoday, id-differenza bejn il-mexxejja f'termini ta' fiduċja kienet ta' 21% aktar, favur Robert Abela - filwaqt li d-distakk elettorali kien ta' 13% favur il-Partit Laburista. Dan ifisser illi l-PL f'Settembru kellu potenzjal li jikber aktar bi 8%. Dan filwaqt illi b'fiduċja ta' 29.5% u b'31.1% jgħidu li se jivvotaw PN, il-potenzjal li jikber il-PN jinżel għal madwar 1.5% biss.

Raġuni oħra għaliex it-tesserati għażlu lil Bernard Grech kien għaliex il-PN kien minn taħt sew, b'distakki enormi fis-sondaġġi, li fi-fatt irriżultaw fiċ-ċar fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew meta l-PN tilef din l-elezzjoni bi ftit aktar minn 42,000 vot. B'dawn is-sondaġġi juru distakki ta' dan it-tip - u distakki akbar fil-fiduċja bejn il-mexxejja - Grech se jkollu jagħmel sforzi akbar biex jibda jressaq il-mases lejn il-PN. 

Jekk il-PN jitlef l-elezzjoni ġenerali b'distakki viċin dawk li kellna fl-aħħar snin, se jkun hemm min jargumenta li l-elezzjoni ta' bħal dan iż-żmien sena ma swiet xejn, f'termini elettorali! Dan ma jkunx xenarju sabiħ għall-propsetti politiċi ta' Grech. 

Pożittiv għal Bernard: Attentati tajbin biex jimbotta żgħażagħ u wċuħ ġodda

Nies fi ħdan il-PN jammettu li l-partit dawn l-aħħar snin kellu wisq dehera antikwata u konservattiva, kemm fl-immaġini tiegħu, il-mod kif juża l-midja soċjali imma aktar minn hekk anke fuq is-sustanza fejn jidħlu kwistjonijiet bħal-Liġi tal-Kannabis u l-liġijiet kollha li trattaw l-ugwaljanza għal persuni LGBTIQ. 

Bernard Grech jidher li beda jimbotta ħafna aktar liż-żgħażagħ, waqt meetings u anke f'karigi - bħal fil-każ ta' Michael Piccinino li huwa s-Segretarju Ġenerali l-ġdid. Huwa daħħal lil Chris Peregin bħala strateġista tiegħu, pass li lilhinn mill-kontroversja dwar ħlas u paga, jista' jitqies wieħed - b'mod ċar - lejn id-direzzjoni ta' partit li jrid itejjeb l-immaġini tiegħu.

Fil-lista ta' kandidati għall-elezzjoni qed naraw ukoll numru ta' wċuħ ġodda bħal Julie Zahra, personalità u kantanta magħrufa u Clifford Żahra, kandidat artikolat u għalliem. 

Jiġifieri l-proċess ta' xi forma ta' tiġdid jidher li beda. Naturalment dan ma jfissirx li l-PN wasal fid-destinazzjoni tiegħu u li neża' l-libsa li ġġiegħlu jidher partit antikwat u lanqas ifisser li l-PN qed jirbaħ il-fiduċja ta' żgħaħagħ li se jivvotaw fl-elezzjoni li jmiss għall-ewwel darba u qajla jiftakru l-aħħar Gvern Nazzjonalista għax kien għad kellhom disa' snin jew inqas! Imma jidher li hemm rieda biex il-partit jattira kandidati ġodda li juru ċerta sens ta' moderazzjoni! 

Negattiv għal Bernard: Proposti fl-arja bi pre-avviż lil-Labour!

Xi kultant jinħass li l-proposti li qed isiru mill-PN - u huwa tajjeb li l-PN qed ikun aktar propożoittiv - ma jkollhomx biżżejjed saħħa u ma jiġux f'pakkett sħiħ, allura ma jittiħdux biżżejjed bis-serjetà. 

Per eżempju: Bernard Grech qal ftit ġimgħat ilu li kull proġett maġġuri fuq art ODZ għandu jkun approvat biż-żewġ terzi tad-Deputati Parlamentari. Wara li qamet il-mistoqsija dwar jekk dan ifissirx li kull proġett fuq ODZ - inkluż dak rurali - irid jitla' quddiem il-Parlament, il-PN iċċara li huma biss proġetti maġġuri li se jmorru quddiem il-Parlament. Waqt il-programm X Tra reġa' qisu ta l-impressjoni li din tal-Parlament tgħodd għal kulħadd! 

Dan apparti li ma kienx ċar kif u meta applikazzjonijiet bħal dawn imorru quddiem il-Parlament: Hux qabel jew hux wara l-evalwazzjoni tal-Awtorità ta-Ippjanar u liema entità se tiddeċiedi liema żvilupp se jmur quddiem il-Parlament.

Naturalment wieħed jinnota li din għalissa hija wegħda fl-arja u l-PN għandu ċans jifformola u jistruttura kif se jwettaq din il-wegħda. Iżda din tagħti l-impressjoni li l-ewwel Grech jwiegħed xi ħaġa, imbagħad jaħsibha u jara kif se jwettaqha wara. Dan ipoġġi l-wegħdi ta' Grech f'dawl xi ftit ikrah għax tnaqqas mill-kredibilità tal-istess proposta. 

U jidher li din mhux darba qed tiġri! 

Il-PN qed iwiegħed żieda fil-paga għall-għalliema u żieda fil-pagi tal-infermiera wkoll - wegħdi tajbin iżda li jibqgħu fl-arja u ma jkunu sostnuti b'ebda pjan, costings u lanqas tragwardi. Dan, xhur qabel elezzjoni ġenerali, qed iħalli l-ispazju kollu lill-Partit Laburista biex jisma', jevalwa, jistudja, jagħmel il-costings u finalment "jaqbeż" lill-PN b'wegħda simili, imma mibnija, stutturata, bi prezz u bi tragward u allura ħafna iktar kredibbli. 

Huwa tajjeb li l-PN qed ikun aktar propożittiv, imma jeħtieġ ikun strateġiku wkoll u jara li l-proposta tkun preżentata 'l quddiem b'mod ċar u kredibbli. Inkella se jkun qiegħed sempliċiment jagħti pre-avviż tal-wegħdi elettorali tiegħu lill-avversarju, (probabbilment) madwar sitt xhur sħaħ qabel il-poplu jkun mitlub jagħżel. 

Ħaġa oħra hija l-kontinwità fil-messaġġ! Jew f'dan il-każ in-nuqqas tagħha! Dik li kellha tkun l-akbar wegħda u l-iktar waħda li tagħmel ħoss mill-PN - rifużjonijiet ta' żbalji fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma - donnha intilfet u intesiet. Meta saret kienu bosta l-osservaturi li ħassew illi fuq din il-PN sab kwistjoni li tista' tippopolarizzah xi ftit, imma minflok sar ftit PR dwarha u tħalliet fl-arja filwaqt li l-PN ħalla l-ispazju kollu biex il-Gvern - jekk hemm bżonn - jieħu l-ħin tiegħu u joħroġ hu bil-proposta. Ma kienx hemm kontinwità fil-messaġġ fuq din il-wegħda u allura l-effett potenzjali tagħha, jew ħafna minnu intilef.

Proposti bla strateġiji, mhux se jittieħdu bis-serjetà! 

More in Politika