Se jkunu permessi assoċjazzjonijiet li jikkultivaw il-kannabis u jqassmuha fost il-membri

Il-Ministru Owen Bonnici ppreżenta d-dettalji tal-qafas legali ġdid li se jkun qed jirregola l-użu responsabbli tal-kannabis

Il-Ministru responsabbli mir-riforma tal-kannabis, Owen Bonnici, ippreżenta d-dettalji tal-qafas legali ġdid li se jkun qed jirregola l-użu responsabbli tal-kannabis. Fost oħrajn, il-Ministru spjega kif se jkun permess illi jsiru assoċjazzjonijiet li l-iskop tagħhom ikun li jikkultivaw il-kannabis u jqassmuha fost il-membri.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru fakkar li wieħed mill-għanijiet ta’ din ir-riforma huwa li jitkissru ċ-ċrieki ta’ traffikar illegali tal-kannabis u droga oħra, is-suq iswed u anke biex jonqos ir-riskju ta’ ħsara minħabba kwalità inferjuri ta’ kannabis li tinxtara.

Nhar it-Tnejn li għadda, il-Ministru Bonnici ppreżenta għall-ewwel qari fil-Parlament l-Abbozz ta' Liġi dwar din ir-riforma.

Dwar l-organizzazzjonijiet li qed ikunu proposti, il-Ministru spjega li dawn iridu jaħdmu bħala “non-profit organisations” u ħadd taħt it-18-il sena ma jkun jista’ jissieħed bħala membru jew inkella jkun preżenti f’xi post immexxi minnhom. Ħadd ma jista’ jkun membru f’aktar minn assoċjazzjoni waħda.

Kull assoċjazzjoni ma jistax ikollha aktar minn 500 membru u l-ammont ta’ kannabis li jista’ jitqassam lil kull membru ma jistax ikun aktar minn 7 grammi kuljum, b’masismu ta’ 50 gramma kull xahar.

Dawn l-assoċjazzjonijiet, ma jistgħux ikollhom fil-pussess tagħhom aktar minn ħames mitt gramma tal-kannabis imnixxef.

L-istess assoċjazzjonijiet ma jistax ikollhom proprjetajiet li jkunu f’inqas minn 250 metru minn skola, club jew ċentru taż-żgħażagħ u ma jista’ jkollhom ebda indikazzjoni b’sinjali, kliem jew disinji li jirreferu għal attivitajiet relatati mal-kannabis, jew mal-kultura tagħhom.

“Dan li qed nagħmlu għandu l-għan li jiddikriminalizza b’mod limitat l-użu responsabbli tal-kannabis u li joħloq ukoll sorsi regolarizzati minn fejn persuna tista’ tikseb il-kannabis u ż-żrieragħ tal-kannabis,” insista l-Ministru.

Saħaq li l-għan ta’ din ir-riforma hija li tnaqqas it-tbatija u l-umiljazzjoni li ħafna persuni li jużaw il-kannabis għaddew minnha u saħansitra spiċċaw quddiem il-Qorti u arrestati minħabba li kienu fil-pussess ta’ ammonti żgħar tal-kannabis.

Il-konsum, il-pussess u l-kultivazzjoni

Il-Ministru kompla jispjega aktar dettalji ta’ din ir-riforma u fost oħrajn spjega kif il-konsum tal-kannabis fil-pubbliku (ħlief għal raġunijiet mediċi) mhuwiex permessibbli u jista’ jwassal għal proċeduri quddiem il-Kummissjoni għall-Ġustizzja u anke multa ta’ €235.

Pussess ta’ kannabis f’ammont ta’ seba’ grammi għall-użu personali minn persuna ta’ 18-il sena jew aktar mhux se jkun meqjus aktar bħala reat u mhux se jkun qed jagħti lok għal proċeduri.

Pussess ta’ ammont ta’ seba’ grammi ta’ kannabis minn persuna li għandha inqas minn 18-il sena se jwassal biex dik il-persuna titressaq quddiem il-Kummissarju għall-Ġustizzja biex jiġi rrakomandat lilha pjan ta’ kura.

Apparti minn hekk, kif diġà kien ġie spjegat, persuna se tkun tista’ tkabbar sa erba’ pjanti tal-kannabis fid-dar tagħha, sakemm dawn ma jkunux jidhru minn postijiet oħra. 

Dan li qed nagħmlu għandu l-għan li jiddikriminalizza b’mod limitat l-użu responsabbli tal-kannabis u li joħloq ukoll sorsi regolarizzati minn fejn persuna tista’ tikseb il-kannabis u ż-żrieragħ tal-kannabis Owen Bonnici

Anke meta qed issir kultivazzjoni fid-dar, se jkun permess li persuna żżomm sa ħamsin gramma ta’ kannabis fil-post ta’ residenza. Jekk dan l-ammont jinqabeż, u l-persuna tinqabad mill-Pulizija, se jittieħdu passi dwar il-pussess.

Kondotta

Apparti minn hekk, persuna li kienet instabet ħatja mill-Qorti ta’ reat li issa se jkun qed jiġi depenalizzat, se jkun jista’ jneħħi s-sentenza minn fuq il-kondotta tiegħu billi jagħmel talba formali.

Il-Ministru tenna li l-Gvern bl-ebda mod mhu qed jinkoraġġixxi l-użu jew il-konsum tal-kannabis, imma r-riforma, kif spjegat, se tkun qed tneħħi biss it-tbatija u l-umiljazzjoni li għaddew minnha diversi persuni li nqabdu b’ammonti żgħar għall-użu personali.

Propju għalhekk li l-Gvern se jniedi diversi skemi u se jaħdem ma’ assoċjazzjonijiet biex isiru kampanja ta’ għarfien kemm fost l-istudenti u anke fuq il-postijiet tax-xogħol.

More in Politika