Il-Partit Nazzjonalista qed iwiegħed li jekk ikun elett fil-Gvern jagħti dritt lil kull impjegat biex ikollu flessibbilità kemm fil-ħin u anke fil-post fejn jaħdem.
Din kienet waħda mill-proposti li ġew ippreżentati llum mill-Partit Nazzjonalista bil-għan li jinħoloq aktar bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u dik tal-familja.
Il-proposta tfisser li, bi qbil mal-impjegatur, kull impjegat ikun jista’ jagħżel il-ħin li fih jibda u jieqaf jaħdem u anke jkun jista’ jaħdem xi ġranet mid-dar.
Il-Partit Nazzjonalista saħaq li min iħaddem ma jkunx jista’ jneħħi dawn id-drittijiet u jekk jirrifjuta, irid jagħti spjegazzjoni bil-miktub.
Waqt konferenza tal-aħbariijet, il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista saħqu li dawn il-miżuri japplikaw sakemm l-impjegat ikun qed jagħmel xogħlu u jkunu qed jintlaħqu l-livelli ta’ produttività.
Id-Deputata Claudette Buttigieg saħqet li l-Partit Nazzjonalista jrid mhux biss iżomm lilll-persuna fiċ-ċentru tal-politika tiegħu, imma anke lill-familja kollha kemm hi.
Marie Claire Zammit, mill-Moviment Nisa PN qalet li l-Partit Nazzjonalista qed jaħdem favur aktar ugwaljanza bejn is-sessi u fi kliemha, b’dawn il-proposti, qed jiffaċilità aktar bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali.
Fakkret ukoll li l-PN qed jipproponi wkoll inqas taxxa lill-impjegaturi u anke servizzi oħra, fosthom Wifi għal dawk l-impjegati li jaħdmu xi ġranet mid-dar.
Preżenti għall-konferenza kien hemm ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Jason Azzopardi.
Aqra wkoll: