Iż-żjara tal-Papa Franġisku f'Malta ġiet posposta għas-sena d-dieħla wara tħassib li jista' jkun hemm żieda sostanzjali fil-każi ta' Covid-19 fix-xhur tax-xitwa u anke l-possibbilità ta' elezzjoni.
Matul l-aħħar ġimgħat kien qed jintqal li l-Papa se jkun qed iżur Malta fl-ewwel jiem ta' Diċembru wara żjara f'Ċipru u anke fil-Greċja.
Madanakollu jidher li din id-data ġiet posposta. Rapport fuq it-Times of Malta qal li l-Gvern u l-Vatikan qablu bejniethom li għalissa jipposponu ż-żjara.
Skont ir-rapport, ir-raġuni ewlenija għaliex iż-żjara ġiet posposta hija l-pandemija u anke l-biża' li jkun hemm żieda sostanzjali fil-każi ta' Covid-19. Madanakollu, it-tieni raġuni kienet il-possibbilità ta' elezzjoni ġenerali.
Din id-deċiżjoni ttieħdet minkejja li l-Prim Ministru Robert Abela kien kważi kważi eskluda l-possibbilità ta' elezzjoni din is-sena. Fid-diskors tiegħu Lejlet l-Indipendenza, Abela qal li "jrid jaqta' l-ispekulazzjoni" għax, fi kliemu, il-Gvern kien għad fadallu x'jagħmel, inkluż il-Baġit u l-implimentazzjoni tiegħu.
Hu mifhum li Vatikan ma jixtieqx lanqas li l-Papa jżur Malta fil-ġimgħat ta' qabel jew wara l-elezzjoni.
Il-Papa kellu jżur Malta f'Mejju tas-sena li għaddiet imma ż-żjara ġiet posposta minħabba l-pandemija. Huwa kellu jżur ukoll Għawdex.