Popolazzjoni iżgħar u għandhom metro ... L-ILLUM iżżur erbat ibliet Ewropej

Il-gazzetta ILLUM iżżur erbat ibliet Ewropej li minkejja li għandhom popolazzjoni iżgħar minn dik ta’ Malta għandhom sistema ta’ metro li taħdem u li qed tħalli l-frott

“Mela aħna nifilħu għall-metro? Aħna żgħar wisq!” Dan huwa wieħed mill-argumenti li qed jagħmlu dawk li huma xi ftit jew wisq xettiċi dwar sistema ta’ metro f’Malta, li issa d-diskussjoni dwarha qabdet ftit tar-ritmu mhux ħażin. Imma dan l-argument jagħmel sens? 

Ftit jirraġunaw li llum il-ġurnata Malta saret kważi kważi belt waħda kbira u madwar l-Ewropa hemm bliet popolari li lanqas għandhom popolazzjoni kbira daqs ta’ Malta u għandhom sistema ta’ metro li taħdem u li kienet suċċess.

F’dan l-artiklu, il-gazzetta ILLUM se tkun qed tħares lejn erba’ sistemi ta’ metro li wieħed isib fi bliet Ewropej u li l-popolazzjoni tagħhom hija iżgħar minn dik ta’ Malta. Minkejja dan, dawn is-sistemi ħadmu u f’xi każi wkoll, issa qed jitwessgħu biex jinkludu aktar linji.

Ta' min isemmi li anke l-kumpanija KonceptX, li wettqet studju dwar il-metro f'Malta, kienet semmiet dawn is-sistemi fl-istudji tagħha.

Lausanne: L-iżgħar belt fid-dinja b’sistema ta’ metro. Linja oħra ppjanata sal-2030

Lausanne hija belt fir-reġjun ta’ Vaud fl-Iżvizzera. Hija belt sabiħa ħafna u tinkludi għadd ta’ attrazzjonijiet fosthom il-Kwartieti tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali u anke l-Mużew Olimpliku.

Iżda li jinteressa lilna mhumiex it-toroq medjevali jew il-Katidral Gotiku tagħha iżda s-sistema ta’ metro li għandha. Fil-fatt, din hija l-iżgħar belt fid-dinja li għandha sistema ta’ metro.

Ta’ min isemmi li din il-belt għandha popolazzjoni ta’ inqas minn 140,000 persuna. Il-metro hija twila 14-il kilometru u tinkludi 28 stazzjon.

Preżentament din is-sistema tinkludi tliet linji fosthom linja popolari ħafna mal-istudenti universitarji għax tgħaqqad l-Istitut Federali tat-Teknoloġija mal-Università ta’ Lausanne. Madanakollu hemm ħsieb li tinbena t-tielet linja li tkun tgħaqqad ukoll maż-żewġ linji l-oħra. 

Interessanti li waħda mil-linji, jiġifieri l-M2, anke jekk hija l-aktar waħda riċenti għandha ftit ta’ storja mhux ħażin għax hija mibnija fuq l-istess rotta ta’ funikular li kien jgħaqqad il-Lag Ġeneva maċ-ċentru tal-Belt, mibni fuq għolja. 

Il-pjan huwa li din tkun lesta sal-2030. Jiġifieri anke barra minn Malta, linja waħda ta’ metro tieħu ż-żmien biex tkun lesta. 

Il-ferroviji f’din is-sistema jaħdmu b’mod awtomatiku, jiġifieri ma hemmx bżonn xufier ma’ kull ferrovija. Il-biċċa l-kbira tagħha hija wkoll mibnija taħt l-art. 

Skont ċifri ppubblikati fl-2013, din il-metro tintuża minn madwar 45 miljun persuna fis-sena, bejn ċittadini u turisti. 

Minn kull stazzjon, ferrovija titlaq kull tlieta jew sitt minuti u l-itwal vjaġġ jieħu madwar 16-il minuta. 

Rennes: 140,000 passiġġier jaqbdu l-metro kuljum; Linja ġdida se tinfetaħ dalwaqt

Rennes hija belt antika fi Franza. Hija l-kapitali tar-reġjun tal-Brittanja, magħrufa għad-djar medjevali antiki u anke għall-Katidral imdaqqas.

Il-popolazzjoni ta’ din il-Belt hija ta’ 220,000 persuna u wkoll għandha sistema ta’ metro. Fil-fatt, din hija t-tieni l-iżgħar belt fid-dinja li għandha sistema ta’ metro.

Din is-sistema kienet inawgurata fl-2002 bix-xogħol fuqha beda ħames snin qabel, jiġifieri fl-1997. Hija sistema li taħdem kompletament b’mod awtomatiku. Il-metro f’Rennes tinkludi linja waħda li tkopri distanza ta’ ftit inqas minn 10 kilometri u għandha 15-il stazzjon.

Kuljum, din il-metro, ġġorr madwar 140,000 passiġġier.

Interessanti li din is-sistema taħdem id f’id mas-sistema tat-trasport pubbliku. Pereżempju, din il-linja ma għandhiex konnessjoni diretta mal-ajruport, iżda persuna li tuża l-metro faċli tasal sal-ajruport billi taqbad il-karozzi tal-linja li joperaw eżatt skont l-iskeda tal-metro.

Fil-fatt, b’biljett bażiku ta’ €1.50, wieħed jista’ jivjaġġa kemm bil-metro u mezzi oħra ta’ trasport pubbliku għal siegħa. Jiġifieri bl-istess biljett wieħed jista’ jaqbad il-metro u immedjatament wara jaqbad karozza tal-linja.

Din is-sistema taħdem kuljum, għajr l-1 ta’ Mejju. Fost il-ġimgħa tibda topera fil-5:00am u fil-5:15pm is-Sibt. Il-Ħadd u fil-festi pubbliċi tibda topera fis-7:30am. Il-metro tibqa’ taħdem bla waqfien sas-12:45am bejn it-Tnejn u l-Ħamis u sas-1:45am bejn il-Ġimgħa u s-Sibt. 

Meta jkun hemm xi festival kbir jew inkella xi attività kbira, il-metro tibqa’ taħdem matul il-lejl kollu.

Il-ferroviji jaslu f’kull stazzjon kull żewġ jew erba’ minuti fost il-ġimgħa iżda fil-ħinijiet li fihom ikun hemm l-aktar domanza, il-ħin tal-istennija saħansitra jinżel għal 90 sekonda.

L-inqas vjaġġ idum madwar 16-il minuta. 

Preżentament qed tinbena wkoll linja ġdida li se tkun qed tkopri distanza ta’ madwar 13.4 kilometri u li se tinkludi 15-il stazzjon ieħor. Minn żewġ stazzjonijiet, wieħed se jkun jista’ jbiddel minn linja għall-oħra. 

Din il-linja l-ġdida qed tinbena mill-kumpanija Siemens wara li rebħet kuntratt ta’ €178 miljun fl-2013. Hija responsabbli għas-sistema kollha kemm hi, inkluż l-immaniġjar tal-proġett, il-ferroviji u anke ċ-ċentru tal-kontroll. 

Il-linja kellha tkun inawgurata din is-sena iżda l-pandemija tefgħet il-proġett ftit xhur lura. Il-proġett kollu, li jinkludi wkoll l-iskavar, se jkun qed jiswa €1.3 biljun. 

Interessanti li skont rapport tal-International Tunnelling Association (ITA), fl-ewwel ftit snin biss minn meta bdiet topera, is-sistema tal-metro f’Rennes naqqset il-kilometraġġ tal-karozza privata b’5.8 miljun kilometru fis-sena. 

Rapporti oħra, tal-ITA u anke tal-International Tunnelling and Underground Association (AITES) jispjegaw kif il-karozza privata tieħu bejn 30 u 90 darba aktar spazju minn sistema ta’ metro taħt l-art. 

Katanja: 30 sena biex il-metro waslet fejn hi llum u għadha qed tiġi estiża

Issa mhux se mmorru ħafna ‘l bogħod. Se nitilgħu biss sal-belt ta’ Katanja. Hija destinazzjoni popolari ħafna mal-Maltin, kemm għax-xiri jew għal xi btala ħafifa. Għad-dilettanti tal-festi, żgur li tfakkarhom fil-festa ta’ Sant’Agata li tiġbed lejha l-miljuni, inkluż ħafna Maltin.

Il-popolazzjoni ta’ Katanja lanqas ma hi xi waħda kbira. Għandha popolazzjoni ta’ 315,000 persuna iżda għandha wkoll is-sistema tagħha tal-metro.

Fil-fatt, din is-sistema tkopri distanza ta’ madwar disa’ kilometri. Għandha 11-il stazzjon. 

Il-proġett beda fl-1986 u l-metro ġiet inawgurata fl-1999. Dakinhar infetħu sitt stazzjonijiet iżda fis-snin ta’ wara, dan is-servizz kompla jkun estiż biex il-metro tasal f’partijiet oħra tal-belt. L-aħħar stazzjonijiet infetħu fl-2016, jiġifieri 30 sena wara li beda l-proġett.

L-aktar biljett bażiku jiswa €1 u jibqa’ validu għal 90 minuta. L-inqas vjaġġ fuq din il-metro jieħu madwar 14-il minuta. 

Sal-2019, l-aħħar sena qabel il-pandemija, seba’ miljun passiġġier għamlu użu minn din is-sistema ta’ metro. Dan l-ammont qed jiżdied kull sena. Fil-fatt, fl-2018, 5.7 miljun passiġġier għamlu użu minn din il-metro. 

Il-ħinijiet li fihom topera huma differenti minn dawk li rajna sa issa. Din il-metro taħdem mit-Tnejn sas-Sibt mis-6:40am sad-9:00pm. Ma taħdimx fil-Ħdud u lanqas fil-festi.

Kull ferrovija titlaq kull għaxar minuti sat-3:00pm u kull kwarta mit-3:00pm sad-9:00pm.

Bħal dik f’Rennes, din il-metro ma għandhiex stazzjon biswit l-ajruport. Madanakollu taħdem ukoll id f’id mas-servizz tat-trasport pubbliku, b’servizz shuttle mill-eqreb stazzjon għall-ajruport.

Bħalissa għaddejin ukoll xogħlijiet hekk kif din is-sistema se tkun qed tiġi estiża. Apparti minn hekk, mal-linja preżenti, se jkunu qed jiżdiedu ħames stazzjonijiet oħra.

Waħda mir-raġunijiet ewlenin għaliex inbniet din il-metro kienet il-fatt li t-traffiku f’Katanja kien qed jiżdied sena wara l-oħra. Fl-1986, aktar mil-lum, it-toroq kienu inadegwati u s-servizz tat-trasport pubbliku ma kien tajjeb xejn. Kien dan li wassal għal żieda fit-traffiku.

Madanakollu diversi studji qed juru kif it-traffiku qed jonqos sena wara l-oħra hekk kif aktar persuni qed jagħmlu użu mill-metro, anke għax din tinkludi stazzjonijiet viċin l-isptarijiet, l-Università u oħrajn. 

Brescia: Bis-saħħa tal-metro, f’erba’ snin biss it-traffiku fit-toroq naqas b’10%

Minn Katanja issa se mmorru Brescia, din il-belt fir-reġjun Taljan tal-Lombardija, fuq nett tal-Italja. Hija famuża ħafna mat-turisti, bl-oriġini tagħha jmorru lura mijiet kbar ta’ snin. Fil-fatt hija ċentru arkitettoniku, kulturali u storiku fl-Italja. Tinkludi ħafna monumenti u anke knejjes sbieħ u kienet iddikjarata Sit ta’ Wirt Dinji mill-UNESCO. 

Il-popolazzjoni ta’ din il-belt hija żgħira ħafna. Fil-fatt jgħixu fiha ftit inqas minn 200,000 persuna. Minkejja dan, anke din il-belt għandha sistema ta’ metro li hija kollha kemm hi awtomatika.

Din il-metro tkopri distanza ta’ 13.7 kilometri u tinkludi 17-il stazzjon.

Topera kuljum bejn il-5:00am sa nofsilejl u s-Sibt tagħmel siegħa żejda. Il-ħin ta’ stennija fl-istazzjonijiet huwa ta’ madwar 10 minuti, iżda jonqos għal erba’ minuti fil-ħinijiet l-aktar bieżla, partikolarment meta ċ-ċittadini jkunu sejrin jew qed jirritornaw mix-xogħol. 

Minkejja li l-popolazzjoni ta’ din il-belt mhijiex daqshekk kbira, il-belt hija mdaqqsa u t-traffiku fit-toroq tagħha mhuwiex ftit, anke għax minnha jgħaddi traffiku minn diversi rħula oħra madwarha. 

Il-ħtieġa ta’ sistema ta’ metro taħt l-art kienet ilha tinħass sa miż-żmien tmenin iżda l-proġett beda fis-sena 2000. Il-Metropolitana di Brescia, kif inhi magħrufa, bdiet topera 13-il sena wara, fl-2013.

Skont l-aħħar ċifri ppubblikati fl-2019, jiġifieri fis-sena ta’ qabel il-pandemija, medja ta’ 51,262 persuna jużaw il-metro kuljum. Medja ta’ 18.7 miljun passiġġier jużaw il-metro kull sena. 

Fil-fatt, skont studju li sar fl-2017, irriżulta li f’erba’ snin, jiġifieri minn meta bdiet topera, din is-sistema tal-metro naqqset it-traffiku fiċ-ċentru ta’ Brescia b’aktar minn 10%.

L-istess studju sab kif fl-istess erba’ snin, l-għadd ta’ passiġġieri li użaw il-metro żdied bi 28%. Jekk wieħed jieħu t-trasport pubbliku kollu kemm hu, inkluż anke l-karozzi tal-linja, il-passiġġieri żdiedu minn 41 miljun għal 53 miljun fis-sena. Dan għax wieħed juża s-sistema kollha, kemm il-metro u anke servizzi oħra li jaħdmu id f’id magħha. 

L-aktar biljett bażiku huwa dak ta’ €1.40. Vjaġġ komplut, mill-ewwel stazzjoni sal-aħħar wieħed jieħu madwar 30 minuta. Madanakollu, bejn stazzjon u ieħor, il-ħin medju huwa dak ta’ żewġ minuti. 

Hemm ukoll il-ħsieb li jinbnew żewġ linji oħra iżda dwar dan għalissa għadu ma sar xejn. 

More in Politika