Baġit 2022│'Mhux il-COLA ħażina, il-mekkaniżmu li bih tinħadem'

L-ADPD tgħid li l-baġit naqas milli jindirizza l-problema ta’ nuqqas ta’ paga minima

L-ADPD – The Green Party, b’reazzjoni għall-baġit 2022, tisħaq li bħal donnu l-Milied wasal qabel iż-żmien għal pajjiżna. Tgħid li dan għaliex iż-żewġ partiti li jinsabu fil-Parlament qiegħdin jikkompetu bejntiehom dwar minn se jwiegħed l-aktar affarjiet li jolqtu l-aktar firxa wiesa’ ta’ votanti.

Is-Segretajru Internazzjonali u kandidat tal-ADPD Mina Tolu qal li dan il-baġit naqas milli jindirizza l-paga minima li biha wieħed ikun jista’ jgħix b’mod diċenti. Filwaqt li fl-Unjoni Ewropea bħalissa qegħda tiġi diskussa direttiva dwar kif taħdem il-paga minima, il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista, “qiegħdin jopponu din id-direttiva.”

Minn naħa l-oħra iċ-Chairperson ta’ ADPD Carmel Cacopardo, spjega li rapport riċenti tal-Caritas, iddetermina li familja b’żewġ adulti u żewġt ‘itfal bħalissa għandhom paga minima, “b’€4,000 inqas minn dak li huwa meħtieġ fis-sena biex wieħed jgħix ħajja diċenti. Din hija l-problema.”

F’kumment li ta lil din il-gazzetta, Cacopardo qal li, “il-kritika tagħna lejn il-baġit m’hijiex lejn il-miżuri individwali. Huwa tajjeb li l-Gvern jindirizza l-vulnerabiltà u jgħin. Però hu mportanti li dan isir b’viżjoni. Anke min huwa vulnerabbli, m’għandux ikun dipendenti fuq l-għotja tal-Gvern, ħlief f’ċirkostanzi straordinarji.”

Għalhekk huwa qal li b’mod ġenerali l-viżjoni fit-tul għandha tkun reviżjoni fil-mekkaniżmu ta’ kif tiġi kkalkulata l-paga minima nazzjonali. Dan biex b’impjieg diċenti, wieħed ikun jista’ jgħix ħajja normali. Cacopardo saħaq li hemm bżonn li l-basket li jintuża biex jikkalkula l-għoli tal-ħajja ikun revedut kull tant żmien għax il-ħtiġijiet bażiċi tal-ħajja llum huma ferm differenti minn dawk ta’ ħames snin ilu u għaldaqstant tinħadem skont is-suq tal-pagi tal-pajjiż.

“Jekk allura llum, kellna żieda ta’ €1.75 fil-ġimgħa fil-paga minima, bilfors li hemm min ħass li din mhux adegwata. Dan mhux għax il-kalkolu tal-COLA huwa ħażin iżda għax il-mekkaniżmu tiegħu jrid jiġi aġġornat,” temm jgħid Cacopardo.

 

More in Politika