Konrad Mizzi msejjaħ għal quddiem il-PAC għall-ħames darba
"Qed jitnejjek bikom f'wiċċkom' - Carol Aquilina lill-Membri tal-Gvern fuq il-PAC
More in Politika
"Qed jitnejjek bikom f'wiċċkom' - Carol Aquilina lill-Membri tal-Gvern fuq il-PAC
Id-Deputat u eks Ministru Konrad Mizzi reġa' kien mgħajjat quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi (PAC) għall-ħames darba, nhar il-Erbgħa 3 ta' Novembru, wara illi dan ma deherx fl-erba' darbiet li kien diġà mgħajjat biex iwieġeb il-mistoqsijiet dwar il-proġett tal-Electrogas. Dan filwaqt li ma għaddietx mozzjoni tal-membri tal-Oppożizzjoni Beppe Fenech Adami, Ryan Callus u Carol Aquilina li titlob sabiex id-Deputat Mizzi jiġi kkundannat talli reġa' ma deherx quddiem il-PAC.
Minkejja li l-eks Ministru ma telax jixhed erba' darbiet huwa bagħat ittra lill-membri ta' dan il-Kumitat illi fiha qal li din id-darba ma setax jattendi minħabba safar li kienu ilu ppjanat, xi ħaġa li d-Deputat Nazzjonalista Callus esprima dubji dwar il-veraċità tagħha. Oriġinarjament Mizzi kien qal li riedx jattendi għaliex - skont hu - dan ma kien xejn ħlief attakk partiġġjan fuq il-proġett għal qalba mill-enerġija ibbażata fuq il-Heave Fuel Oil għall-enerġija ibbażata fuq gass u sorsi rinovabbli.
Din il-laqgħa spiċċat f'battibekki kontinwi bil-membri tal-Gvern jakkużaw lil dawk tal-Oppożizzjoni illi ma jridux il-verità imma biss logħob politiku. Minn naħa l-oħra l-membri tal-Oppożizzjoni akkużaw lil dawk tal-Gvern li jinsabu f'konfoffa ma' Konrad Mizzi u li ma għandhomx il-kuraġġ jieħduha kontrih.
"Lesti tikkundannaw jew le?" sfida Ryan Callus, bid-Deputat Karol Aquilina jgħid li Konrad Mizzi "qed jitnejjek" bil-Membri tal-Gvern f'wiċċhom. Il-membri tal-Gvern fuq dan il-Kumitat huma Glenn Bedingfield, Jonathan Attard, Alex Muscat u Clayton Bartolo
Beppe Fenech sostna illi l-Oppożizzjoni trid li dan il-kumitat jagħmel xogħlu mija fil-mija u li jintbagħat messaġġ ċar lil kull min ma jattendix meta jkun imsejjaħ minn Kumitat Parlamentari bħal dan, speċjalment meta l-persuna in kwistjoni huwa Deputat.
Konrad Mizzi llum huwa Deputat indipendenti wara li l-Eżekuttiv tal-Partit Laburista keċċieh b'71 vot minn 73 membru, f'Ġunju 2020.