'Għaliex qed tibqgħu tiddefendu lil Konrad Mizzi? X'jaf fuqkom?' - Bernard Grech

Il-Kap tal-Oppożizzjoni jappella lid-Deputati tal-Gvern biex jieħdu pożizzjoni kontra Konrad Mizzi  wara li dan baqa' ma telax quddiem il-PAC biex iwieġeb...

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech

Meta llejla l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech kien qed jitkellem fil-Parlament - waqt id-diskussjoni dwar l-Estimi tal-Ministeru tal-Ġustizzja -  staqsa lid-Deputati tal-Gvern għaliex qed jibqgħu jiddefendu lil Konrad Mizzi. "X'jaf fuqkom Konrad Mizzi? X'jaf Konrad Mizzi dwar il-Prim Ministru u dwar l-eks Prim Ministru? Għalfejn qed tibqgħu tiddefenduh?"

Huwa sfida lid-Deputati tal-Gvern biex ikunu mal-Oppożizzjoni u jivvotaw biex l-eks Ministru Mizzi jidher quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi. Huwa sostna li fuq biss, biss fuq akkużi li saru fil-konfront ta' Mizzi fuq artikli fil-midja dwar trading in influence, kellu jkun arrestat. "Minflok jinsab imsiefer, biex taraw f'liema livell tinsab il-ġustizzja f'Malta."

Mizzi ġie mgħajjat quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi għall-ħames darba ilbieraħ, biex iwieġeb mistoqsijiet dwar il-proġett tal-Electrogas. 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni staqsa wkoll għaliex id-Deputati tal-Gvern jibqgħu jiddefendu lil xulxin fid-dawl ta' akkużi diretti lejn il-Ministru Edward Zammit Lewis u sostna illi l-maġġoranza li l-poplu ta lill-Gvern taha biex hu jpoġġi lill-poplu bħala priorità u jiddefendi l-interessi tagħhom. "Il-maġġoranza qegħda hemm biex tiddefendi l-interessi tal-poplu, mhux l-interessi tagħkom infuskom u l-interessi ta' sħabkom jew l-interessi tal-partit tagħkom."

Grech imbagħad wissa lid-Deputati tal-Gvern: "Il-maġġoranza li għandkom xi darba se tgħaddi u anke intom se jkollkhom tagħtu rendikont ta' għemilkom."

Grech sostna li ma jistax jemmen kif il-Gvern isemmi Ministeri bħal dak ta' Zammit Lewis, jiġifieri tal-Governanza Tajba u jfakkar li diskursati ma' Yorgen Fenech fuq Whatssapp waqt il-qadi ta' dmirijietu mhijiex governanza tajba. Hu kien qed jirreferi għal Whattsapp chats li Zammit Lewis kellu ma' Fenech wara li kien magħruf illi 17 Black fil-fatt kienet tal-intraprenditur, illum akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. 

"Kif jista' jkollok Ministeru tal-Governanza imbagħad l-istess Ministru li jġorr dak il-poter kollu jiġi jaqa' u jqum u jibqa' jaħrab mozzjoni tal-Oppożizzjoni?" staqsa l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech. 

Ara x'kien qal il-Ministru Zammit Lewis wara li kienu żvelati ċ-chats li kellu ma' Yorgen Fenech, f'intervista mal-gazzetta ILLUM. 

More in Politika