Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li l-programm tal-amministrazzjoni tal-booster tal-vaċċin kontra l-Covid-19 se jkun qed jinfetaħ għall-poplu kollu minn Jannar li ġej u dan hekk kif jidher li l-immunità anke fost dawk li ħadu ż-żewġ dożi, bdiet tonqos.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Chris Fearne ħabbar ukoll li se jkun qed jiġi aċċellerat il-programm tat-tilqim bid-doża addizzjonali.
Tant u hekk li mit-Tnejn li ġej se jkunu qed jibdew jitlaqqmu l-ħaddiema tas-saħħa, inkluż l-infermiera, il-carers u l-ispiżjara. Se jibdew jitlaqqmu wkoll l-għalliema u dawk li jaħdmu fl-iskejjel.
Apparti minn hekk minn din il-ġimgħa, dawk li għandhom aktar minn 60 sena se jibdew jirċievu l-appuntament, bl-għoti tal-booster għal dawn il-persuni se jibda mill-ewwel ġimgħa ta’ Diċembru, ħmistax qabel ippjanat.
Kien hawn li l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li mit-tielet ġimgħa ta' Diċembru, dawk li għandhom aktar minn 45 sena se jkunu mitluba jirreġistraw biex jieħdu l-booster (jiġifieri mhux se jirċievu appuntament) biex eventwalment jibdew jingħataw il-booster minn Jannar li ġej. Wara, il-booster se tkun qed tingħata wkoll lil dawk ta' etajiet iżgħar.
Spjega li d-deċiżjoni ttieħdet hekk kif studju internazzjonali qed juru li l-immunità bil-vaċċin issa bdiet tonqos u għalhekk faħħar id-deċiżjoni ta' Malta li kienet l-ewwel pajjiż fl-Unjoni Ewropea li bdiet tagħti l-booster.
Fearne qal ukoll li 75% ta’ dawk li għandhom 70 sena jew aktar ħadu l-booster, filwaqt li issa ntbatu l-appuntamenti kollha lil persuni ta’ dawn l-etajiet.
Fearne jappella għall-kawtela
Intant, il-Ministru Fearne tkellem ukoll dwar il-mewġa ta’ infezzjonijiet ġodda li qed jesperjenzaw diversi pajjiżi Ewropej.
Spjega kif anke f’Malta, fl-aħħar jiem, kien hemm żieda fil-każi, anke jekk l-għadd ta’ pazjenti fl-isptar baqa’ wieħed stabbli.
Qal li bħalissa, ir-rata ta’ pożittività f’Malta hija ta’ 1.6% u l-medja ta’ każi ġodda fuq perjodu ta’ ġimgħa hija dik ta’ 23 każ.
Insista li anke jekk is-sitwazzjoni hija ħafna aħjar minn dik ta’ pajjiżi oħra, dan ifisser żieda żgħira meta wieħed iqabbel mal-aħħar jiem ta’ Ottubru.
Fil-fatt illum instabu 40 każ ġdid. Madanakollu, kompla jispjega, l-għadd ta’ pazjenti f’Mater Dei huwa ta’ disa’ persuni, filwaqt li tlieta minnhom jinsabu fl-ITU.
Kien hawn li insista li anke jekk is-sitwazzjoni għadha waħda taħt kontroll, jeħtieġ il-kawtela, anke jekk ma hemm l-ebda indikazzjonijiet li juru li għandhom jerġgħu jiddaħħlu miżuri, kif qed jiġri f'pajjiżi oħra.
“Xorta hemm bżonn kawtela u prudenza. Hemm tendenza li l-każi fl-isptarijiet u fl-ITU jibdew jiżdiedu ħmistax wara li jkun hemm żieda ta’ każi fil-komunità. Anke jekk is-sitwazzjoni hija taħt kontroll, irridu nħarsu lejn is-sitwazzjoni b’attenzjoni,” saħaq il-Ministru
Tenna li 94% tal-popolazzjoni adulta f’Malta ħadet iż-żewġ dożi tal-vaċċin u dan ifisser li Malta tibqa’ bl-ogħla rata fid-dinja.
Fi kliemu, din hija r-raġuni għaliex is-sitwazzjoni f’Malta għadha waħda tajba.