"Jistgħu jsiru l-investigazzjonijiet kollha li wieħed irid għaliex m'għandix x'naħbi." Hekk saħaq l-eks Prim Ministru Joseph Muscat dalgħodu ftit wara li l-organizzazzjoni Repubblika għamlet rapport lill-Pulizija biex jinvestigawh b'rabta ma' flus li rċieva minn kumpanija Żvizzera b'rabta ma' Steward Healthcare.
Fuq Facebook, Muscat saħaq li qed ikun akkużat b'korruzzjoni għax għamel xogħol barra minn Malta, wara li spiċċa minn Prim Ministru, ma' kumpanija "li jista' kellha konnessjoni ma' interessi f'Malta."
Insista li x-xogħol li hu għamel ma kellu x'jaqsam xejn mal-Gvern Malti.
"Bl-istess kejl, ma nifhimx kif ma sarux protesti kontra nies oħra. Per eżempju Dr Austin Gatt, li wara li spiċċa minn Ministru ingħata karigi fi grupp ta' kumpaniji li għandhom relazzjoni diretta ma' mill-inqas żewg entitajiet li kienu taħt ir-responsabiltà diretta tiegħu għal snin sħaħ. Jew Tonio Fenech, li kien responsabbli għas-servizzi finanzjarji għal snin sħaħ imbagħad kellu karigi ma' kumpaniji fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. Jew Claudio Grech, li kien parti mill-Ministeru li nnegozja Smart City f'isem il-Gvern Malti, imbagħad mar imexxi Smart City," kiteb Muscat.
Insista li kejl qed jintuża għal naħa u kejl ieħor għal oħra.
"L-awtoritajiet jagħmlu sewwa li jagħmlu xogħlom. Jagħmlu sewwa wkoll li jaraw li jirrispettaw ir-regoli u mhux insiru nafu x'ikun qed jiġri minn xi bnadi partikolari, għaliex hekk tiġi mminata l-fiduċja fis-sistema," temm jisħaq Muscat.
Aqra wkoll: