Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej nieda l-Istrateġija tal-Politika Barranija ta’ Malta għall-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, fejn għall-ewwel darba, il-politika barranija ta’ Malta qed titfassal f’dokument strateġiku.
Din l-istrateġija tiddeskrivi l-valuri u l-prinċipji gwida ta’ Malta li ġew żviluppati matul l-istorja u li jservu bħala pedament tal-politika barranija tagħna.
Tul it-tnedija ġie spjegat li din l-istrateġija hija bbażata fuq l-interessi u l-prinċipji tagħna, bħalma huma l-kostituzzjoni, is-saltna tad-dritt, opportunitajiet ugwali, in-newtralità u s-sostenibbiltà.
Il-Ministru Bartolo qal li l-għan prinċipali ta’ din l-istrateġija hu politika barranija li sservi lin-nazzjon, l-interessi u liċ-ċittadini tagħna, inklużi dawk il-Maltin li jgħixu lil hinn minn xtutna, filwaqt li anke jkun ippromovut it-twemmin, il-kultura u l-identità tagħna.
"Bħala pajjiż ċkejken, huwa fl-interess tagħna li jkun hemm il-paċi u li t-tilwim jissolva bi ftehim biex niżguraw li jkun hawn il-paċi u sigurtà fil-Mediterran u lil hinn minnu," insista l-Ministru.
Dan id-dokument huwa bbażat fuq qafas strateġiku li jinkludi tliet miri strateġiċi dwar il-prosperità; il-promozzjoni tal-paċi, sigurtà u djalogu; u l-opportunitajiet għall-influwenza strateġika f’reġjuni u f’fora multilaterali.
Permezz tat-22 oġġettiv li joħorġu minn dawn it-tliet miri, u li jridu jintlaħqu sal-aħħar tas-sena 2023, il-gvern huwa kommess li jikseb riżultati tanġibbli għall-pajjiż u għaċ-ċittadini tiegħu.
Il-konferenza tal-aħbarijiet ġiet indirizzata wkoll minn Christopher Cutajar, Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin.
Huwa qal li -politika barranija ta’ Malta hija bbażata fuq il-valuri mibnija fuq evoluzzjoni ta’ ħsieb mill-indipendenza lil hawn u li trid isservi lin-nazzjon u liċ-ċittadini tagħna.