Il-Kumpanija MGC Pharma inawgurat fabbrika ġdida f'Ħal Far, li fiha se jkunu jistgħu jipproduċu aktar minn 20,000 unit ta' mediċina inkluż it-trattament tal-Covid-19, CimetrA. Din il-mediċina bħalissa tintuża biex ittaffi s-sintomi tal-Covid-19. Apparti minn hekk, ta' min wieħed isemmi li din il-fabbrika se toħloq bejn 12 u 20 impjieg.
Intant il-Malta Enteprise tagħti lil din il-kumpanija għotja ta' €3.1 miljun biex tkopri l-ispejjeż tal-kostruzzjoni tal-faċilità l-ġdida. Dan l-investiment huwa riżultat ta' skema iddiżinjata biex toffri appoġġ finanzjarju għall-investimenti u proġetti li jibdew jew iżidu l-produzzjoni ta' prodotti relatati mal-Covid-19.
Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur Deo Debattista.
Il-Fundatur u d-direttur ta' MGC Pharmaceuticals Nativ Segev, qal li l-kumpanija qed taħdem fil-qrib mal-partner tagħha Biopharmax biex jassiguraw li l-fabbrika titlesta fil-ħin u f'konformità mar-regoli stipulati mill-Malta Enterprise.
Hekk kif it-tieni faċilità tal-kumpanija se tiffoka fuq kannabis mediċinali, Dalli qalet li l-Gvern irid jara li Malta ssir ċentru tar-riċerka għal dan it-tip ta' trattament. Min-naħa l-oħra Debattista faħħar l-Awtorità Maltija għall-Mediċini għall-ħidma konġunta li għamlet ma' entitajiet akkademiċi u farmaċewtiċi biex filwaqt li jixprunaw it-tkabbir ekonomiku jissodisfaw il-ħtiġijiet mediċinali.